Ħames żgħażagħ – fosthom waħda taħt l-età – tressqu l-Qorti mixlija li aggredew b’mod vjolenti tfajla ta’ 21 sena f’Paceville. Tliet tfajliet ta’ 17, 18 u 19-il sena flimkien ma’ żewġt irġiel ta’ 23 u 26 sena tressqu l-Qorti lbieraħ b’rabta ma’ dan il-każ.
Fuq il-midja soċjali xxandar ukoll filmat ta’ dak li allegatament seħħ fejn tidher tfajla tinġibed minn xagħarha u titkaxkar mal-art, waqt li taqla’ daqqiet bil-ponn u bis-sieq.
L-ismijiet tal-ħames imputati mhumiex qed jixxandru fuq ordni tal-Qorti. Huma ġew mixlija li kkawżaw ġrieħi ta’ natura gravi fuq il-vittma u b’serq aggravat fost oħrajn.
Huma kienu mixlija li attakkaw lit-tfajla fis-sigħat bikrin tad-29 ta’ Diċembru li għadda fi Triq Santu Wistin. L-allegata vittma sofriet ġrieħi gravi u nsterqilha wkoll xi ġojjellerija li tammonta għal madwar €232.94ċ.
Il-Pulizija kienu rċevew rapport dwar persuna li kienet mitlufa minn sensiha fl-imsemmija triq. Il-vittma ttieħdet minnufih l-Isptar Mater Dei għall-kura u meta ġiet rilaxxata mill-isptar marret minnufih tagħmel rapport kontra l-allegati aggresuri.
L-imputati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard flimkien mal-Avukat Ylenia-Marie Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għal erba’ mill-imputati.
L-Avukat David Bonello assista lill-persuna minorenni mentri l-Avukat Matthew Xuereb deher parte civile għall-vittma.