Friday, January 16, 2026

HANDBALL: Alan Grima Jinħatar Delegat tal-EHF għall-Men’s EHF EURO 2026

Aqra wkoll

Il-ħatra ta’ Alan Grima bħala Delegat tal-EHF għall- EHF EURO 2026 tal-irġiel kienet pass sinifikanti għall-handball Malti, u mmarkat stadju ieħor ’il quddiem fil-preżenza ta’ Malta – li dejjem tikber – fl-akbar xena Ewropeja.

Grima serva fil-kampjonat ewlieni Ewropew tal-handball għat-timijiet nazzjonali, li qed isir fid-Danimarka, l-Isvezja u n-Norveġja, u li ġabar flimkien 24 mill-aqwa timijiet nazzjonali tal-kontinent.

Ir-Round Preliminari ntlagħab f’Herning (Gruppi A u B), Oslo/Bærum (Gruppi C u D), Malmö (Grupp E) u Kristianstad (Grupp F). Ir-Round Prinċipali segwa f’Herning (Grupp I) u Malmö (Grupp II), b’Herning jospita wkoll il-Weekend Finali, li inkluda l-partita għall-5 u s-6 post, is-semi-finali, il-partita għall-midalja tal-bronż u l-finali.

Grima għamel id-debutt tiegħu fl-EURO bħala uffiċjal għall-partita tal-ftuħ bejn il-pajjiżi ko-ospitanti Norveġja u l-Ukrajna.  Huwa kien akkumpanjat fuq il-mejda uffiċjali mill-Osservatur tal-EHF Urmo Sitsi tal-Estonja, filwaqt li r-referees Ungeriżi Ádám Bíró u Olivér Kiss inħatru biex imexxu l-partita.

Din il-ħatra tirrifletti l-fiduċja – li dejjem qeda tikber – li qed tingħata lill-uffiċjali Maltin fl-ogħla livell ta’ kompetizzjoni Ewropea. Hija wkoll frott ta’ strateġija fit-tul ta’ investiment fl-edukazzjoni tal-kowċis u l-uffiċjali, fl-akkreditazzjoni u fl-iżvilupp professjonali kontinwu mill-Malta Handball Association, li qed issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fi ħdan il-qafas tal-Federazzjoni Ewropea tal-Handball.

Malta Handball se tkun rappreżentata wkoll fit-tieni Konvenzjoni tal-EHF dwar il-Grassroots, “Grow the game: building athletes, leaders and ambassadors”, li qed tiġi organizzata mill-Federazzjoni Ewropea tal-Handball bejn it-22 u t-23 ta’ Jannar 2026. Il-parteċipazzjoni ta’ Malta tifforma parti mill-impenn kontinwu tagħha wara l-iffirmar tal-EHF Grassroots Charter, u tkompli ssaħħaħ l-enfasi fuq l-iżvilupp fit-tul, il-parteċipazzjoni u t-tmexxija fi ħdan l-isport.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport