L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball ħabbret li Allan Heine, kowċ rinomat Daniż tal-handball, Kap tal-Kowċing taż-Żgħażagħ u l-Akkademja ma’ Aalborg Håndbold, kif ukoll espert tal-Federazzjoni Ewropea tal-Handball (EHF), se jkun f’Malta bejn is-16 u t-18 ta’ Jannar biex iwassal numru ta’ sessjonijiet bħala parti mill-Kors tal-Kowċing Livell 2 li ser tkun qeda torganiżża l-Assoċjazzjoni.
Għalkemm Heine se jkun f’Malta primarjament għall-Kors tal-Kowċing, is-sessjonijiet tiegħu se jkunu miftuħa wkoll għal persuni interessati li mhux qed isegwu l-kors. Ir-reġistrazzjoni tista’ ssir permezz tal-link hawn taħt:
Il-kors jifforma parti minn programm ta’ edukazzjoni għall-kowċis li jinkludi taqsimiet mmexxija minn esperti tal-EHF, mid-Direttur Tekniku tal-Assoċjazzjoni, kif ukoll minn kowċis lokali b’esperjenza. Bħala parti mill-inizjattivi tal-Assoċjazzjoni fi ħdan l-EHF Master Plan, dan il-programm huwa mfassal biex ikompli jiżviluppa l-kompetenzi tekniċi, tattici u maniġerjali meħtieġa għall-kowċing f’livell avvanzat.
Ir-rispons għall-Kors tal-Kowċing kien wieħed inkoraġġanti ħafna, b’numru ta’ kowċis kwalifikati – kemm Maltin kif ukoll barranin – irreġistraw biex jieħdu sehem. Dan jenfasizza l-interess dejjem jikber f’Malta għal edukazzjoni strutturata u ta’ livell għoli għall-kowċis. Il-kors qed jiġi mwassal ukoll flimkien mal-Liċenzja Nazzjonali tal-Kowċing li ġiet imnedija reċentement, li wkoll irreġistrat rispons b’saħħtu minn kowċis lokali u hija kompletament allinjata mal-EHF Master Plan.
Meta kkummenta dwar din l-inizjattiva, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball, Daniel Tabone, qal: “Ir-rispons tajjeb li rċevjna għal dan il-kors jirrifletti l-aptit tal-kowċis biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom fi ħdan qafas strutturat u rikonoxxut internazzjonalment. Li nilqgħu espert tal-EHF tal-kalibru ta’ Allan Heine, flimkien mad-Direttur Tekniku tagħna u kowċis lokali, huwa pass importanti biex inkomplu ngħollu l-istandards tal-kowċing u niżguraw tkabbir sostenibbli fit-tul għall-handball Malti.”
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball tibqa’ impenjata li tinvesti fl-edukazzjoni tal-kowċis bħala pilastru ewlieni ta’ żvilupp sostenibbli, f’konformità mal-linji gwida tal-Federazzjoni Ewropea tal-Handball u l-objettivi strateġiċi fit-tul tagħha.

