Sunday, August 3, 2025

Harbinson qala’ l-flus fuq l-esperti … ħallashom in-nofs b’suspettat ta’ mizapproprazzjoni ta’ fondi pubbliċi

Aqra wkoll

Joħroġ aktar fil-beraħ it-taħwid u t-tberbiq fl-inkjesta Vitals immexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella. Meta din il-ġimgħa fil-Qorti kompliet tinstema’ kawża dwar ‘freezing orders’ fil-konfront ta’ wħud mill-akkużati dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, irriżulta li mill-inqas żewġ esperti kienu qed jitħallsu ħafna inqas mir-rata li Jeremy Harbinson iċċargja lill-Qrati Maltin.

Wieħed mill-esperti li xehed din il-ġimgħa kien Ciaran Mcllwee. Meta kien mistoqsi dwar ir-rata ta’ £130 fis-siegħa li l-Qorti intalbet tħallas għas-servizzi tiegħu, Mcllwee wieġeb illi fi żmien l-inkjesta huwa kien impjegat mal-kumpanija ANSEC u kellu salarju fiss fis-sena u ma kienx jitħallas b’rata fis-siegħa. Mistoqsi kemm kien is-salarju tiegħu, l-espert wieġeb li kien jitħallas £42,000 fis-sena. Dan ifisser li waqt li Mcllwee kien jitħallas madwar £20 fis-siegħa, il-Maġistrat Vella awtorizzat ħlas sitt darbiet iktar għax-xogħol tiegħu, £130 fis-siegħa.

Xhud ieħor din il-ġimgħa kien l-espert Martin Neeson. Mitlub jgħid kemm kienet ir-rata ta’ ħlas tiegħu kull siegħa minn Jeremy Harbinson, Neeson għall-ewwel ma riedx iwieġeb għax qal li din hija informazzjoni kummerċjali. L-avukat Vincent Galea li qed jidher f’isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, baqa’ jisħaq li jagħti tweġiba gġax mill-invoices ippreżentati

joħroġ li intalab ħlas ta’ €230 fis-siegħa għax-xogħol tiegħu. Mistoqsi jikkonferma jekk huwa kienx jitħallas b’din ir-rata, l-espert wieġeb le u qal li Harbinson kien iħallsu nofs dik ir-rata.

Meta wieħed iqis li d-digrieti tal-Maġistrat Vella appuntaw kemm lil McIlwee kif ukoll lil Neeson personalment bħala esperti, u li Harbinson ħareġ kontijiet f’isimhom fejn qala’ flus minn fuqhom, dan kollu jammonta għal miżapproprazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

Fil-ġimgħat li għaddew fil-Qorti kemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti u kif ukoll il-Kontrollur Finanzjarju tal-istess Aġenzija kkonfermaw li qatt ma gie ffirmat kuntratt mal-esperti barranin li ħadmu fuq l-inkjesta Vitals u lanqas kien hemm engagement letter magħhom.

Mistoqsijin dwar kif ġew stabbiliti r-rati tal-ħlasijiet lil dawn l-esperti, iż-żewġ uffiċjali wieġbu li huma mxew mad-digriet tal-Maġistrat Gabriella Vella u t-talbiet għall-ħlasijiet kienu jitressqu lilha li minn naħa tagħha kienet tapprova li jsiru dawn il-ħlasijiet.

Intant fis-seduta ta’ din il-ġimgħa l-Imhallef Edwina Grima kellha tordna sabiex r-Reġistratur tal-Qorti Kriminali jew il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Qorti jinformawha jekk jeżistux l-indirizzi fiżiċi tal-madwar 22 espert li fadal jixhdu. Dan wara li l-Qorti għamlet kuntatt mal-espert Alan Heath biex jixhed iżda dan wieġeb li jixhed biss jekk jitħallas. Huwa kien informat illi l-esperti ma jitħallsux biex jixhdu u meta reġa’ intalab biex jixhed, ma ta ebda tweġiba. Kellhom jixhdu wkoll l-esperti Callum Coulter u Rachel Ann Jamison iżda l-Qorti ma setgħetx tistabilixxi kuntatt magħhom. L-Imħallef Grima spjegat li hija lanqas indirizzi fiżiċi tal-esperti m’għandha.

L-avukat Vincent Galea rrimarka li kif kien jinstab il-mezz kif l-esperti kienu jitħallsu, issa jinħtieġ li jsir kuntatt magħhom kollha. L-inkjesta Vitals immexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella, swiet €11-il miljun, ħadet ħames snin biex tlestiet u kienet ippubblikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju tas-sena l-oħra.

Fuq il-bażi tagħha inħarġu sensiela ta’ akkużi mill-iktar serji fil-konfront ta’ numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport