Sunday, July 20, 2025

“Ħares lejn il-mera u ara kif spiċċajt… qum fuq tiegħek u biddel ħajtek” – Il-Maġistrat Simone Grech

Aqra wkoll

“Ħares lejn il-mera u ara kif spiċċajt… Qum fuq tiegħek u biddel ħajtek… Int trid tkun biex tgħid daqshekk u tibda paġna ġdida f’ħajtek. Taf kemm hawn nies li jħobbuk? Ħares lejn oħtok, għadha temmen fik u jekk trid tista’ tasal u tbiddel ħajtek.”

Hekk qalet il-Maġistrat Simone Grech lil Anthony Said ta’ 51 sena residenti l-Fontana hekk kif tressaq il-Qorti ta’ Għawdex akkużat li kellu fil-pussess tiegħu droga kokaina u kannabis li kienu wkoll għal skop ta’ traffikar.

Il-Maġistrat Simone Grech qalet lill-imputat “jaħasra għaliex se tibqa’ miexi f’din it-triq? Warrabhom lin-nies li qegħdin madwarek u li qed jagħmlulek ħafna ħsara… Mhux tinduna li spiċċajt? Taf kemm irqaqt int… Spiċċajt… Ħaġa ngħidlek jekk tibqa’ miexi f’din it-triq se tispiċċa fil-qabar u ma ddumx…” filwaqt li l-imputat beda jibki hekk kif kien qiegħed jisma’ dan il-kliem mill-Qorti.

Said tressaq b’arrest b’urġenza wara li nhar it-Tlieta l-Pulizija wettqu rejd f’garaxx fil-Fontana fejn fost l-oħrajn allegatament instabet id-droga.

Meta ġie mistoqsi xi jwieġeb għall-akkużi kontrih, l-imputat wieġeb mhux ħati. Said qal li jaħdem bħala ‘beach cleaner’.

L-Ispettur Mark Mercieca waqt ix-xhieda tiegħu qal li għal dawn l-aħħar ġimgħat kienet qiegħda ssir sorveljanza fuq Said wara li l-Pulizija rċivew informazzjoni li allegatament kien qiegħed jitraffika d-droga.

Qal li waqt isorveljanza l-investigaturi setgħu jinnotaw diversi persuni magħrufin mal-pulizija javviċinaw lil Said u anke jidħlu fl-imsemmi garaxx. Quddiem il-Maġistrat Grech, l-Ispettur Mercieca qal li nhar it-Tlieta nħareġ mandatt ta’ tfittixija f’dan il-garaxx u f’postijiet oħrajn li għandu l-imputat.

“F’dan il-garaxx instabet id-droga u anke affarijiet relatati ma’ traffikar. Hekk kif komplejna ninvestigaw morna f’garaxx ieħor li fih kien hemm laboratorju li kien jgħin lill-imputat fit-traffikar tad-droga,” qal l-Ispettur Mercieca filwaqt li stqarr li fid-dar ta’ Said fil-Fontana nstabu wkoll traċċi tad-droga.

Mercieca sostna li fil-garaxx u anke fid-dar tal-imputat instabu diversi mobiles li mill-investigazzjonijiet jirriżulta li kienu wkoll jintużaw biex tiġi traffikata d-droga.

Il-Qorti staqsiet lid-difiża jekk hux se tkun qiegħda tikkontesta l-arrest, fejn Dr Daniel Calleja qal li mhux se jkun qiegħed jagħmel dan.

Hekk kif spiċċa l-eżami mill-Qorti li sar lill-imputat, Said talab lill-Qorti jekk jistax ipoġġi bilqiegħda. Il-Qorti qalet li mhux qiegħda ssib oġġezzjoni li hu jpoġġi sakemm jibqa’ jsegwi. Iżda hekk kif poġġa bilqiegħda, l-imputat beda jħossu ma jiflaħx tant li l-pulizija li kien hemm skorta miegħu informaw lill-Maġistrat b’dan.

Kien hawn li l-Qorti ordnat biex fl-awla jinġieb tim mediku b’mod immedjat biex jassistu lill-imputat. Said qal li kien qiegħed iħossu ħafna eċitat hekk kif kien konxju li jista’ jispiċċa l-ħabs. 

Il-Qorti staqsiet lill-imputat jekk iridx lil oħtu tiġi ħdejħ, u wara li dan wieġeb fil-pożittiv, il-Maġistrat talbet biex din tiddaħħal fl-awla u toqgħod ħdejħ bit-tama li jiġi ftit aħjar. 

Sakemm wasal it-tim mediku, b’oħtu ħdejħ tibki l-ħin kollu, l-imputat talab lill-Qorti biex jitkomplew il-proċeduri kontrih. Kien hawn li l-Maġistrat Simone Grech qaltlu li hija lesta tistenna sakemm jasal it-tim mediku u jassistuh, iżda Said insista li jitkomplew.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, fejn qalet li l-imputat kien lest li joqgħod għal kull kundizzjoni mposta fuqu. L-Avukat Calleja qal li Said għandu xogħol stabbli, iżda rikonoxxa l-fatt li l-klijent tiegħu għandu l-vizzju tad-droga.

Min-naħa tiegħu l-Ispettur Mark Mercieca qal li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għandhom fi stadju bikri u hemm aktar nies li qegħdin jiġu investigati. Qal li l-imputat kellu diversi każi oħrajn il-Qorti marbutin mad-droga u għalhekk għandu jibqa’ jinżamm arrestat.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti qalet li minħabba li għadha għaddejja l-investigazzjoni qiegħda tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Qalet li l-imputat għandu jingħataw l-għajnuna kollha li għandu bżonn sakemm idum arrestat anke minħabba l-vizzju tad-droga.

Il-Qorti ordnat ukoll l-ifriżar tal-assi kollha tal-imputat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Mercieca u Mario Xiberras flimkien mal-Avukat Clive Aquilina mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukat Daniel Calleja mexxa d-difiża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport