Friday, November 15, 2024

Ħarġa speċjali tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ dwar il-Papa Emeritu Benedittu XVI

Aqra wkoll

Id-Direzzjoni tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ għadha kemm ippubblikat ħarġa speċjali tal-gazzetta Furjaniża biex tfakkar lill-Papa Emeritu Benedittu XVI li miet fil-monasteru Mater Ecclesiae fil-Vatikan fl-aħħar ġurnata tas-sena li għaddiet (2022) fl-età ta’ 95 sena.

Dan il-Papa Ġermaniż fl-2010 kien daħal fl-istorja tal-belt tal-Furjana u partikolarment f’dik tal-Knisja Parrokkjali, għax kien l-uniku suċċessur ta’ San Pietru li qatt daħal f’din il-knisja li hi ddedikata lill-Ewwel Isqof ta’ Malta San Publju, li hu wkoll il-patrun tal-lokalità.

Din il-ħarġa hi l-ewwel waħda f’din is-sena (2023), li matulha l-gazzetta Furjaniża se tfakkar is-70 anniversarju mill-bidu tagħha.

Il-ħarġa speċjali naturalment qed tiffoka primarjament fuq iż-żjara qasira li l-Papa Benedittu XVI kien għamel f’din il-knisja matul il-vjaġġ appostoliku f’pajjiżna bejn is-17 u t-18 ta’ April ta’ tlettax-il sena ilu (2010).

Il-Papa Benedittu XVI miexi proċessjonalment mill-Knisja ta’ San Publju lejn Fuq il-Fosos tal-Furjana biex iqaddes quddiem folla kbira

Minbarra numru sabiħ ta’ ritratti bil-kulur ta’ dik l-okkażjoni storika, il-ħarġa tinkludi wkoll kitbiet minn persuni li għexu dik l-esperjenza unika bħall-eks Arċipriet Monsinjur Richard Borg, il-Kanonku Rev. Dr David Torpiano (li dak iż-żmien kien għadu seminarista), u l-volontiera fil-ħidma fil-knisja, Stephen u Freddie Tonna.

Biex din il-ġrajja tibqa’ mfakkra għal dejjem, xi żmien wara, fil-post fejn fil-korsija tal-Knisja ta’ San Publju kien waqaf jitlob quddiem is-Sagrament il-Papa Benedittu XVI, tqegħdet mal-art lapida kommemorattiva.

Kitbiet oħra fil-ħarġa speċjali ta’ ‘IL-FURJANA’ jinkludu ġabra tal-highlights fil-ħajja tal-265 Kap tal-Knisja Kattolika, u l-omelija li kien għamel Benedittu XVI meta sar it-tieni Papa – wara Ġwanni Pawlu II – li qaddes fi Pjazza San Publju (magħrufa aktar bħala Fuq il-Fosos tal-Furjana).

Kitba oħra fiha tagħrif dwar il-midaljun tal-fidda li nħadem mill-artist Furjaniż Noel Galea Bason u li ngħata bħala rigal lill-Papa Benedittu mill-Prim Ministru Malti ta’ dak iż-żmien, Dr Lawrence Gonzi.

Min jixtieq jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa speċjali jew kopja ta’ xi ħarġa imgħoddija oħra tal-gazzetta, jista’ jċempel fuq in-numru tat-telefon 79339649.  L-istess numru jista’ jintuża wkoll minn min jixtieq jabbona għal 5 Ewro biss fis-sena jew iġedded l-abbonament tiegħu.

Il-ħarġa ‘normali’ li jmiss tal-gazzetta tkun dik magħrufa bħal ‘tal-Festa’  fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Publju li din is-sena mistennija tkun iċċelebrata f’April, bħas-soltu żewġt iħdud wara l-Għid il-kbir.

Ekonomija

Sport