L-attakkant ta’ Bayern Munich u l-Ingilterra, Harry Kane, irċieva l-premju taż-Żarbun tad-Deheb bħala l-aqwa skorer f’kampjonat tal-football Ewropew f’ċerimonja, fil-kapitali tal-Bavarja.
Kane skorja 36 goal matul l-istaġun preċedenti tal-Bundesliga, aktar minn kwalunkwe player ieħor fl-Ewropa. Minkejja li kien l-aqwa skorer tal-Premier League tliet darbiet, Kane qatt ma rnexxielu jirbaħ dan il-premju.
Dan it-trofew kien l-aħħar mirbuħ mill-attakkant f’lista twila ta’ premjijiet personali, iżda Kane għad irid jirbaħ titlu ta’ team fil-karriera tiegħu. Kane spiċċa mingħajr trofew fis-sena tad-debutt tiegħu fi Munich, l-ewwel darba li Bayern spiċċaw staġun mingħajr l-ebda unur mill-2012.
Huwa qal: “Irrid inkompli kif bdejt l-istaġun li għadda, iżda huwa importanti li nirbħu l-unuri. Irridu niksbu suċċess bħala team.”
L-ammont ta’ 36 goal ta’ Kane fi 32 dehra għal Bayern huwa ħames goals inqas mir-rekord ta’ Robert Lewandowski li skorja 41, fl-istaġun 2020/21.