Paris St-Germain se jagħmlu lid-difensur internazzjonali Ingliż ta’ Manchester United, Harry Maguire, bħala mill-miri ewlenin fis-suq tat-trasferimenti tas-sajf.
Il-Pariġini lesti li joffru £50 miljun għas-servizzi tiegħu wara li f’Jannar li għadda ma rnexxielhomx jiksbu l-firma tiegħu minħabba li laħaq skada l-ħin biex it-trasferiment seta’ jiġi finalizzat.
Dan l-interess huwa tama ġdida għal Maguire biex itemm perjodu frustranti f’Old Trafford hekk kif mal-wasla tal-coach Olandiż, Erik ten Hag, huwa ġie relegat fuq il-bank tas-sostituti.
PSG jinsabu lesti li jtejbu s-salarju attwali tiegħu li huwa ta’ £200,000 fil-ġimgħa.
Maguire, ta’ 30 sena, għad fadallu ftit aktar minn sentejn biex jintemmlu l-kuntratt iżda huwa mistenni jħalli lill-club fis-sajf li ġej minħabba li l-futur tiegħu f’Old Trafford huwa wieħed inċert.
Fl-aħħar tmien partiti huwa ġie utilizzat darba biss minkejja li għadu l-captain tat-team. Fin-nuqqas tiegħu, il-faxxa qed tintlibes minn Bruno Fernandes.
Barra minn hekk huwa lagħab biss żewġ minuti fil-finali tal-League Cup, fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Newcastle United, iżda xorta waħda għolla t-Tazza flimkien ma’ Fernandes.
Min-naħa tal-Pariġini, dawn qed jibdew jaħsbu biex jibnu team ġdid wara li nhar l-Erbgħa huma sfaw eliminati mill-UEFA Champions League minn Bayern Munich b’aggregate ta’ 3-0 wara li fl-Allianz Arena sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-0.