Alison Bezzina tirreaġixxi għas-sentenza mogħtija fejn raġel instab li kien qed iżomm il-klieb fi stat ta’ abbandun u kkonferma li kien jagħmel negozju minnhom
Miktub minn MARIA AZZOPARDI
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina qalet lil inewsmalta li hija ħasra li ċertu nies iħarsu lejn l-annimali primarjament bħala opportunità ta’ gwadann, tant li ma jagħtux kas is-saħħa, il-kuntentizza u l-bżonnijiet tal-annimal. Bezzina qalet li din il-mentalità hija antika u ġejja mit-twemmin antikwat li l-annimal huwa inferjuri għall-bniedem u għaldaqstant jista’ jintuża għal gwadann tal-bniedem.
Bezzina qalet: “Din hija mentalità ħażina li hemm bżonn tinbidel u parti kbira mix-xogħol tiegħi bħala Kummissarju se jkun li nbiddel din il-mentalità b’aktar għarfien u edukazzjoni. Barra minn hekk, hemm bżonn ukoll li jkun hemm iżjed infurzar tar-regolamenti biex awn l-affarijiet jiġu evitati.”
Hija qalet dan b’referenza għas-sentenza mogħtija fil-Qorti fejn il-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech ikkundannat lil Lewis Pace sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultatu €20,000 wara li nstab ħati li fost l-oħrajn ġiegħel lil 23 kelb isofru minn uġiegħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn.
Pace kien tressaq il-qorti wara li f’Awwissu tas-sena 2019, uffiċjali għall-ħarsien tal-annimali marru ġewwa r-residenza fil-Ħamrun fejn instabu dawn il-klieb li ma kienux miżmuma tajjeb, anzi nstabu f’kundizzjonijiet orrendi u ta’ ħmieġ liema bħalu bil-klieb anke jsoffru minn abbandun kbir. Ġie nnutat ukoll li Pace kellu 16 minn dawn il-klieb li kellhom jiġu chipped u ma kienux. Ikkonferma ukoll li kien jagħmel in-negozju minn dawn il-klieb.
Żammhom f’dar maħmuġa u uħud minnhom f’gaġeġ żgħar ħafna
Skont il-kwerela mid-Dipartiment tal-Animal Welfare, l-annimali soffrew tbatija, skumdità u dwejjaq mingħajr bżonn billi Pace naqas li jmantni l-pijl tagħhom b’riżultat li dawn spiċċaw b’ħafna għoqiedi u pijl maħmuġ, ma provdiex attenzjoni veterinarja lil ħafna mill-klieb li kellhom kundizzjonijiet kroniċi, żammhom f’dar maħmuġa u tintenn bl-eskrement tagħhom stess u żamm uħud mill-klieb f’gaġeġ żgħar ħafna.
Fix-xhieda tieħu, Dr. Luke Vella Verzin qal li ra 23 klieb fiżikament maħmuġin bil-piel tagħhom li jista’ jissejjaħ bħala inkallat. Dr Vella Verzin innota ukoll li kull fejn tmiss u tħares kien hemm il-ħmieġ tal-annimali u l-awrina tagħhom.
Żied jgħid li kien hemm ftit minn dawn il-klieb magħluqin ġo gaġeġ żgħar inqas min-normal ta’ kif suppost iżżommhom u li kien hemm klieb bi problemi f’għajnejhom, problemi li kieku ġew ikkurati minn qabel ma kienux jaslu fi ħsara irriversibbli li ġew fihom. Huwa qal: “Bħala daqs tal-gaġeġ li żżomm il-fniek fihom, kien hemm iktar minn kelb wieħed fihom. Kien hemm gaġġa minnhom kemm kemm ikbar, qisu nofs metru, kien hemm żewġt iklieb mara u raġel (…) evidenti li dawn it-tnejn kienu hemm għat-tgħamir għax kienu mara u raġel.”
Fix-xhieda tagħha Dr Rose Bonanno qalet li kien hemm taħlita ta’ Chiuauhua u Sitsus bħala razza, dawk li kienu nisa kien hemm evidenza li wisq probabbli kienu qegħdin jew se jwelldu jew kienu għadhom kif welldu. Żiedet tgħid li l-iżjed ħaġa konsistenti kienet li kellhom ħafna briegħed li turi li kien hemm evidenza li kienu jgħixu f’post bil-ħmieġ u qalet li tant jibdew iħokku l-annimali li jibda jaqa’ l-fur. Ġie esebit ‘Summary of Medical Records’ li fih hemm elenkati 23 kelb u l-kundizzjoni li kienu fiha. Jissemma’ kif kien hemm klieb ibgħatu minn “dental disease, alopecia, pendulous abdomen, briegħed u parasiti”.
“Il-ħmieġ li akkumula hu wieħed notevoli li ma jixraq lill-ebda ħolqien”
L-Animal Welfare Officer Marisa Portelli, animal welfare officer qalet li meta l-imputat tellagħhom fil-kċina sabu klieb ġol-gaġeġ tal-fniek u l-ewwel li staqsietu kien fejn kienu l-ikel u l-ilma għax ma kellhomx. Portelli qalet li huwa qalilha li se jibda jagħtihom u beda jagħti l-ikel u l-ilma dak il-ħin. Portelli qalet li d-dar kienet mimlija ħmieġ tal-klieb u kien hemm klieb bid-dwiefer twal u kien hemm minnhom b’infezzjoni fl-għajnejn ukoll.
Wara li l-Qorti ordnat li jittieħdu l-filmati u ritratti minn din ix-xhud, il-Maġistrat qalet li l-ħmieġ li akkumula hu wieħed notevoli li ma jixraq lill-ebda ħolqien. Intqal li t-torġien u l-art sal-kulur tilfu mogħtijja kif inhuma b’materjal kannella li x-xhieda li daħħlu fil-fond jgħidu li kien “faeces” tal-klieb.
Il-kelba li welldet kellha l-utru marid dovut għall-fatt li ma kinitx tal-età li titgħammar
Fix-xhieda tagħha, Rosaline Agius, manager tas-santwarju tal-Assoċjazzjoni tal-Klieb Abbandunati (AAA) spjegat kif l-aninal welfare għaddewlhom diversi klieb biex jiġu kkurati fis-santwarju ġestit minnhom. Qalet li kelb minnhom daħal b’għajnejh mifquwa u mifquwa antika, fungal infection mal-ġilda kollha u sninu kompletament imħasrin bil-kemm jista’ jiekol. Semmiet ukoll kif “kelba li lanqas biss suppost qed tiġi mgħammra pero qed tibqa’ tiġi mgħammra kontinwament bħall-oħrajn mimlija infezzjonijiet fil-ġilda u snin imħasrin.” Ix-xhud esebiet rapport magħmulha minn veterinarji li kkuraw dawn l-annimali. Il-kelba li welldet kellha l-utru marid dovut għall-fatt li ma kinitx tal-età li titgħammar.
Pace kkonferma li l-klieb, li minnhom kien hemm 7 ġriewi, ma kellhomx identifikazzjoni elettronika. Jattribwixxi l-ħmieġ li kien hemm għax dakinhar ma kienx għadu kienes u naddaf. Dwar kif kien iżomm il-klieb huwa qal: “Kieku tagħmilhom flimkien, joqtlu wieħed lill-ieħor, inqassamhom għalihom, aħjar minn ġol-gaġġa”, għalhekk qassamhom fi kmamar. Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew kontradetti mill-ispetturi u mill-veterinarju li lkoll xehdu li l-ħmieġ kien ilu żmien twil jakkumula, filwaqt li l-klieb ma kinux mifrudin iżda kollha kienu qed jiġru mad-dar. Pace qal li kien jieħu ħsieb il-kura tal-klieb u żied jgħid: “daqs kemm inħobb l-annimali ma hawnx… u nħobbhom ħafna, l-qtates kollox inħobb.” Pace ammetta li kien hemm periklu jekk il-klieb kbar jiġu f’kuntatt maż-żgħar, u kkonferma li kien jagħmel negozju minnhom.
“Faċli tagħmel l-arja u tabbuża minn dak li leħen m’għandux”
Il-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech qalet li l-fatt li jkollok 23 kelb jgħixu f’dar mimlija ħmieġ, f’gaġġa tħalli żewġt iklieb bil-kemm għandhom fejn jiċċaqlqu, f’gaġġeġ oħra ssakkar fihom klieb li sussegwentement baqgħu fi spazju ristrett, mhi xejn għajr forma ta’ tgħakkis u tbatija li ma tista’ qatt ssib ġustifikazzjoni.
Il-Maġistrat qalet li persuna li tħobb il-klieb ċertament ma kinitx se tħallihom f’dak l-istat, jgħaffġu fil-ħmieġ tagħhom stess, għatxana għall-attenzjoni ta’ veterinarju. Żiedet tgħid li kieku verament dawn il-klieb kienu l-mimmi t’għajnejn Pace, dan ma kienx se jaqfilhom f’gaġġeġ fejn bilkemm setgħu jiċċaqalqu u qalet li iktar milli jħobb il-klieb, Pace ċertament kien iħobb idawwar lira żejda u bena negozju jgħammar dawn il-klieb bla ebda attenzjoni għall-ħtiġijiet u bżonnijiet tagħhom. “Faċli tagħmel l-arja u tabbuża minn dak li leħen m’għandux,” qalet il-Maġistrat.
Magħdud dan kollu, u kkunsidrati ċ-ċirkostanzi kollha l-oħra tal-każ, inkluż il-kundizzjoni medika prekarja ta’ Pace, il-Maġistrat qalet li ma tħossx li għandha tingħata piena karċerarja lil Pace li ma jippreżenta l-ebda periklu serju għas-soċjetà. Il-Maġistrat ikkundannatu għal 18-il xahar priġunerija sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €20,000. Huwa ġie wkoll projbit milli jkollu kelb jew milli japplika għal xi liċenzja oħra ta’ kelb għal għomru. Il-Maġistrat ordnat ukoll lil Pace biex iħallas spejjeż addizzjonali fosthom €3,967.10 lid-Dipartiment tal-Animal Welfare u €229.92 lill-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati (AAA).