Friday, November 15, 2024

“Ħasra li l-Oppożizzjoni abbandunat id-diskussjoni parlamentari dwar suġġett daqstant importanti”

Il-Ministru Byron Camilleri

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg kienu fost dawk li rrikorrew għall-midja soċjali wara li lbieraħ l-Oppożizzjoni telqet ‘il barra mill-Parlament waqt li kienet qed tiġi diskussa liġi dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza domestika.

Il-Ministru Camilleri qal li fil-Parlament kienet qiegħda tiġi diskussa liġi li tagħti għodda ġdida kontra l-vjolenza domestika. Sistema ġdida fejn persuna tkun tista’ titlob informazzjoni jekk dak jew dik li għandhom relazzjoni magħha, kinux instabu ħatja ta’ vjolenza domestika.

“Hija verament ħasra li l-Oppożizzjoni għażlet li tabbanduna l-Parlament meta kien qed jiġi diskuss suġġett daqstant importanti,” qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li: “Sur Kap tal-Oppożizzjoni, qatt ma kelli dubju li kull meta tkellimt dwar il-vjolenza domestika ma kontx ġenwin. Wara kollox ilna li indunajna li tuża kollox biex tipprova tirbaħ il-poter … Però jekk kien baqa’ nitfa dubju neħħejtu meta kellek l-ardir li titlaq ‘il barra mill-Parlament, meta l-Parlament qed jiddiskuti liġi dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza domestika.”

“Forsi mhix liġi li se ssolvi kollox, imma hi pass ieħor importanti. U l-Oppożizzjoni ddeċidiet li titlaq ‘il barra. Daqshekk se tkun kredibbli meta titkellem dwar dan is-suġġett,” temmet tgħid Buttugieg.

Ekonomija

Sport