Wednesday, September 3, 2025

‘Ħassejtni onorat li kelli r-responsabbiltá biex dak kollu li tgħallimt mingħand il-plejers u l-kowċis tul il-karriera tiegħi, inkun nista’ ngħaddih lill-plejers żgħażagħ ta’ Marsaxlokk ASC’ – Jurgen Micallef

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Proprjament, bħal kważi kull tifel mill-Floriana, jien trabbejt fl-ambjent tal-futbol mall-klabb ta’ Floriana FC u anke mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena sakemm sofrejt injury fl-irkoppa. Bħala parti mit-terapija ta’ wara l-operazzjoni, kont ninżel nhar ta’ Hadd il-pitch tan-Neptunes nagħmel xi eżercizzji fil-baħar u kont ninzerta xi plejers jitħarrġu li kienu jħeġġuni nibda nipprattika dan l-isport. U meta sfortunatament kelli nċedi l-futbol, ittantajt xortija fil-waterpolo.

U kif għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Peressli kont ilni nitħarreġ bħala goalkeeper tal-futbol mill-etá ta’ 6/7 snin, biex nibdel l-isport fl-etá ta’ 25 sena kienet diġá ta’ sfida biżżejjed. Għalhekk kienet għażla naturali għalija li nibqa’ bejn il-lasti. U nista’ ngħid li minn dan ir-rwol kont kapaċi noħroġ l-aħjar abbilitajiet tiegħi.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq ir-rebħ tad-Double permezz tar-rebħ tal-Kampjonat u n-Knock-Out minn Marsaxlokk ASC, wara li kontu diġà għamiltu dan bħala tim lura fl-2016?

Ir-rebħ tad-Double lħaqtu darbtejn oħra fil-karriera tiegħi mat-tim ta’ Marsaskala fl-2019 u l-2022. Is-sena li għaddiet iddeċidejt li nieqaf mill-waterpolo minħabba prijoritajiet tal-familja u x-xogħol. Izda, fil-bidu ta’ dan is-sajf kellimni l-kowċ ta’ Marsaxlokk, Sasa Misic, fejn xtaq jara jekk inkunx interessat li ningħaqad mat-tim tiegħu hekk kif il-goalkeeper titolari kellu xi problemi fiżiċi.

Ħassejtni onorat li kelli r-responsabbiltá u l-opportunitá biex dak kollu li tgħallimt mingħand il-plejers u l-kowċis tul il-karriera tiegħi, inkun nista’ naqsmu u ngħaddih lill-plejers żgħażagħ ta’ Marsaxlokk ASC. U minn qalbi nixtieq nirringrazzja lill-plejers, kowċis, managers u kumitat ta’ Marsaxlokk għall-mod kif laqgħuni.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Kull kompetizzjoni internazzjonali qegħdin naraw lit-tim nazzjonali Malti b’mod konsistenti itejjeb il-pożizzjoni finali tiegħu. B’mod naturali dan ifisser frott tal-ħidma għaqlija u dedikazzjoni tal-amministrazzjoni tal-preżent. U bir-regoli l-ġodda nemmen li dawn se jgħinu l-livell tal-waterpolo Malri biex ikompli javvanza.

U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

SportMalta qed tikkontribwixxi bis-sħiħ u tagħmel biċċa xogħol imprezzabli għal dan l-isport u r-riżultati internazzjonali jitkellmu waħedhom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

Li ‘l quddiem inkun nagħmel parti minn ‘coaching staff’.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Tqabbilx lilek innifsek ma’ ħaddieħor iżda mmaġina l-aqwa verżjoni tiegħek innifsek u tieqaf qatt taħdem u tirsisti qabel ma tasal f’dak il-punt. Kun lest biex titgħallem iżda tħalli lil ħadd jaqtagħlek qalbek. Tħarreġ biex tirbaħ, mhux biex tikkompeti. Dak kollu li tagħmel, agħmlu b’passjoni kbira … u tirnexxi żgur!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport