Friday, December 27, 2024

Ħatfa “egoista” għat-tilqima tal-Covid-19

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar mal-pajjiżi foqra jdumu ma jkollhom it-tilqima aktar se ddum il-pandemija

Miktub minn Carmen Cachia

Mill-inqas 90% tal-persuni li jgħixu f’67 pajjiż bi dħul baxx huma fil-periklu li din is-sena ma jingħatawx it-tilqima kontra l-Covid-19 minħabba li l-pajjiżi sinjuri rrisservaw ħafna aktar dożi milli għandhom bżonn. Il-People Vaccine Alliance, li tinkludi l-Amnesty International, il-Frontline AIDS, il-Global Justice Now u Oxfam qegħdin jisħqu li l-ħatfa tat-tilqima kontra l-pandemija globali, kif ukoll in-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-iżviluppaturi tal-istess tilqima, se jwasslu għal dewmien inġust għall-protezzjoni ta’ saħħet iċ-ċittadini fil-pajjiżi fqar.

“Jekk ma tittieħidx azzjoni biex jinbidlu l-affarijiet, biljuni ta’ persuni madwar id-dinja m’humiex se jingħataw tilqima effettiva u sigura kontra l-Covid-19 u din is-sitwazzjoni se tkarkar għas-snin li ġejjin,” saħqet Anna Marriott, maniġer fit-taqsima tas-saħħa ta’ Oxfam.

Rapporti fil-midja internazzjonali qalu li l-pajjiżi sinjuri, li jagħmlu biss 14% tal-popolazzjoni dinjija, xtaw 53% tal-aktar tilqim promettenti li hemm fis-suq. L-alleanza qalet li dawn jinkludu d-dożi kollha tat-tilqima ta’ Moderna, li huma mistennija jkun immanifatturati tul din is-sena, kif ukoll 96% tad-dożi tal-Pfizer-BioNTech.

Min-naħa tagħhom, l-Università ta’ Oxford u AstraZeneca wegħdu li s-sena d-dieħla se jqassmu 64% tat-tilqim tagħhom lill-pajjiżi mhux żviluppati iżda dan se jkopri biss 18% tal-popolazzjoni dinjija.

Dr Mohga Kamal Yanni, kelliem għall-People’s Vaccine Alliance qal li, “hemm pajjiżi sinjuri li għandhom biżżejjed dożi biex ilaqqmu lil kulħadd għal tliet darbiet, mentri l-pajjiżi foqra m’għandhomx biżżejjed biex jipproteġu lill-ħaddiema tagħhom fis-settur tas-saħħa, kif ukoll lill-persuni vulnerabbli”.

Huwa qal li s-sistema preżenti, jiġifieri dik li l-kumpaniji farmaċewtiċi jużaw fondi governattivi għar-riċerka, tagħtihom l-esklussività fuq il-prodott u jżommu t-teknoloġija sigrieta biex jagħmlu aktar qligħ. Sostna li dan ifisser li, “ħafna ħajjiet jistgħu jintilfu”.

L-alleanza qiegħda titlob biex il-produtturi tat-tilqima jaqsmu t-tagħrif li għandhom mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Jingħad li AstraZeneca-Oxford, Moderna u Pfizer-BioNTech ingħataw aktar minn €4.13 biljuni minn fondi pubbliċi biex jiżviluppaw it-tilqim tagħhom.

Min għandu ż-żejjed u min għandu n-nieqes…

Il-People’s Vaccine Alliance analizzat tmien tilqim li qegħdin jinxtraw jew riservati minn għadd ta’ pajjiżi. Dawn huma l-Pfizer-BioNTech, Moderna, AstraZeneca-Oxford, Novavax, Johnson & Johnson, Sanofi-GSK, Gamaleya-Sputnik u Sinovac.

Rapporti qalu li madwar 67 pajjiżi li għandhom għixien ta’ livell baxx ma xtrawx konsenji ta’ tilqima kontra l-Covid-19 u jiddependu kompletament mill-programm “Covax”. Dan il-programm huwa grupp ta’ kollaborazzjoni bejn id-WHO, il-Unicef, il-Bank Dinji u l-Fondazzjoni ta’ Bill u Melinda Gates fost l-oħrajn, li għandu l-għan li jkun hemm distribuzzjoni ġusta tat-tilqima b’għajnuna speċifika għall-pajjiżi fqar. Dan il-programm xtara madwar 700 miljun doża li, però, huma biżżejjed biex jitlaqqmu 10% biss tal-popolazzjoni ta’ dawn is-67 pajjiżi.

L-aktar pajjiż li huwa rrapportat li “ħataf” dożi kbar tat-tilqima tal-Covid-19, huwa l-Kanada fejn huwa stmat li rriserva biżżejjed dożi biex kull ċittadin jingħata tilqima kompluta għal ħames darbiet. Wara l-Kanada, hemm l-Istati Uniti li għandha erba’ tilqim kompluti għal kull ras u r-Renju Unit b’madwar tliet tilqim għal kull ċittadin Ingliż.

Trid tistenna biex tithenna?

Kelliem tas-Saħħa Kanadiż, meta mistoqsi dwar l-ordnijiet esaġerati ta’ tilqim kontra l-Coronavirus, qal li pajjiżu investa €284 miljun f’Covax. Ħafna esperti jemmnu li eventwalment, il-pajjiżi s-sinjuri jagħtu b’donazzjoni t-tilqim żejjed li jkollhom lil Covax. Fil-fatt, dan kien il-ħsieb proprju wara dan il-programm.

Issa, dawn il-pajjiżi sinjuri l-ewwel se jkollhom jistennew biex jaraw kemm se tkun effettiva kull tilqima u għal kemm żmien se tgħin biex l-immunità tal-bniedem tiġġieled lill-virus. Wisq probabbli, li se jiġri huwa li ħafna pajjiżi fqar mhux se jkollhom aċċess għal tilqim fuq skala nazzjonali sal-2022 u anke sal-2023.

Waħda mill-aktar mossi “egoisti” biex ikunu akkwistati dożi ta’ tilqim kontra l-Covid-19 kienet dik mill-Istati Uniti fejn l-eks President Donald Trump, qabel tilef postu bħala mexxej ta’ dan il-pajjiż, iffirma ordni eżekuttiva fejn ordna lill-manifatturi tat-tilqim biex jagħtu prijorità lill-Amerikani.

Huwa maħsub li dan il-pass minn Trump sar biex inaqqas il-ħsara li għamel rapport li kien ippubblikat fuq in-New York Times li fih jingħad li f’Lulju li għadda l-amministrazzjoni tiegħu naqset milli tirriserva 500 miljun doża tat-tilqim ta’ Pfizer u BioNTech. 

Konsegwenza ta’ dan, fl-2021 l-Istati Uniti mistennija tirċievi 100 miljun doża (50 miljun tilqima kompluta) ta’ dawn it-tilqim, mentri l-Unjoni Ewropea diġà rnexxilha tixtri jew tirriserva 300 miljun doża.

Il-pandemija trid tiġi kkontrollata kullimkien…

Id-diskrepanza fit-tqassim tat-tilqima kontra l-Covid-19 se tinħass fil-futur. Dan minħabba li skont Anna Marriot, maniġer f’Oxfam, temmen li minkejja ħafna pajjiżi sinjuri se jitlaqqmu, ħafna nies f’pajjiżi fqar mhux se jkunu protetti bit-tilqima u konsegwenza ta’ dan, il-pandemija se tibqa’ tiċċirkola. Dan ikun ifisser li l-Covid-19 se jibqa’ magħna għal aktar żmien u fit-tul.

Espert tal-mard infettiv fin-Nofsinhar tal-Indja, it-tabib Gagandeep Kang, qal li minkejja li t-tilqim issa huwa approvat u mqassam f’xi pajjiżi żviluppati, jidher li se jdumu biex ilaqqmu liċ-ċittadini tagħhom u dan se jżid fid-dewmien biex it-tilqima tingħata fil-pajjiżi l-fqar. 

Uffiċjali għolja fl-Għaqda Dinjija tas-Saħħa b’mod mhux uffiċjali, ammettew li pprovaw iqassmu t-tilqim b’mod ġust però din l-inizjattiva m’hiex tirnexxi, kuntrarjament għall-fatt li din qiegħda tiġi rreklamata bħala suċċess. 

Il-kap tat-tilqim għad-WHO, Dr Katherine O’Brien, f’waħda mid-diskussjonijiet interni rrekordjati u mxandra fil-midja barranija nstemgħet tgħid li, “is-sejħa biex ikun hemm kollaborazzjoni internazzjonali, m’hiex tinstema’ jew tinżamm”.

Fatti dwar il-faqar u l-Covid-19:

* Ir-rata ta’ faqar fid-dinja hija mistennija li tiżdied minħabba l-Covid-19;
* Madwar id-dinja, 71 miljun persuna se jkunu f’faqar estrem minħabba l-effetti tal-pandemija;
* Kienu biss 0.01% tan-nies bi dħul baxx li ġew ittestjati għall-Covid-19;
* In-nies fil-pajjiż fqar kellhom l-akbar rata ta’ tnaqqis fid-dħul tagħhom (69%);
* L-Istati Uniti, il-Ġappun u l-UE xtraw 3.7 biljun tat-tilqim kontra l-Coronavirus, mentri l-pajjiżi mhux żviluppati m’għandhomx il-fondi għalihom;
* B’$5.4 biljun, in-nazzjonijiet foqra jkollhom biżżejjed biex ilaqqmu lin-nies tagħhom;
* Il-komunità internazzjonali allokat $1 biljun bħala għajnuna għall-pajjiżi fqar għal din it-tilqima. Din se ssarraf fi protezzjoni ta’ 10% biss tal-popolazzjonijiet tat-tielet dinja;
* 265 miljun persuna iżjed se jkollhom nuqqas ta’ ikel minħabba l-virus;
* Miljuni ta’ tfal m’għandhomx aċċess għall-edukazzjoni fi żmien il-Covid-19;
* 1% biss tal-istudenti fil-pajjiżi foqra għandhom aċċess għall-Internet biex jitgħallmu online:
* Żieda ta’ ġlied, protesti u rvellijiet fil-pajjiżi fqar minħabba nuqqas ta’ ikel;
* Il-pajjiżi bi dħul baxx m’għandhomx biżżejjed apparat u lbies protettiv biex jevitaw it-tixrid tal-virus;
* Ir-rata ta’ mwiet kawża tal-Covid-19 fil-pajjiżi foqra hija ferm aktar minn dik irrapportata;
* Il-Kenya, Myanmar, Nigeria, Pakistan u l-Ukrajna kellhom aktar minn 1.5 miljun każ bejniethom.

Ekonomija

Sport