Saturday, December 28, 2024

Ħati ta’ kliem ta’ mibegħda fil-konfront tal-Ministru Julia Farrugia Portelli

… għajjarha “ħmieġ tal-annimali” u “demel”

Aqra wkoll

Aktar kmieni llum, fil-Qorti Kriminali ta’ Malta, Marco Vassallo, ta’ 48 sena, instab ħati li kiteb kliem ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali fil-konfront tal-Ministru Julia Farrugia Portelli. Il-kumment sar fuq status li l-Ministru tellgħet b’rabta ma’ ħidma tal-Gvern li hija kellha flimkien mal-Ministru Michael Falzon.

L-akkużat, fil-kumment tiegħu uża l-aġġettivi “ħmieġ tal-annimali” u “demel” fil-konfront tal-Ministru Farrugia Portelli. Vassallo, kompla jgħid li huwa jobgħod lill-Ministru Julia Farrugia Portelli u lill-Ministru Michael Falzon. Fil-kumment tiegħu, l-akkużat qal lill-Ministru biex ma “toqgħodx titnejjek b’nies diżabbli.” 

Fix-xhieda tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli, irrimarkat li dan il-kumment kien miktub wara li fix-xhur preċedenti, Ministri u Membri Parlamentari kienu suġġetti għal tgħajjir u saħansitra tfiegħ ta’ oġġetti huma u ħerġin mill-Parlament. 

Hija semmiet kif fil-ġimgħat qabel ma nkiteb dan il-kumment, irċieviet theddid fuq ħajjitha kemm pubblikament kif ukoll f’kummenti fuq Facebook. Il-Ministru fakkret li dawn il-każi għadhom qegħdin ikunu investigati mill-Pulizija.

L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u weħel multa ta’ €1,500. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Dr Charmaine Galea, ordnat lil Vassallo li ma jistax jagħmel kuntatt mal-Ministru Farrugia Portelli għal perjodu ta’ 3 snin. Jekk tinkiser din l-ordni, l-akkużat jkollu jħallas il-multa ta’ €7,000 jew priġunerija.

Għall-akkużat deher l-Onorevoli Dr Joseph Giglio, filwaqt li għall-Ministru Julia Farrugia Portelli dehret Dr Ramona Attard.

Ekonomija

Sport