Tuesday, February 18, 2025

Ħatja li ppruvaw jirrikattaw il-familja ta’ Michael Schumacher

Aqra wkoll

Tlitt irġiel instabu ħatja minn Qorti Ġermaniża li ppruvaw jirrikattaw lill-familja ta’ Michael Schumacher, l-eks champion tal-Formula 1. Wieħed mill-ħatja, Yilmaz T, ta’ 53 sena, intbagħat tliet snin ħabs talli hedded li kien se jtella’ 900 ritratt personali, kważi 600 vidjo u rekords mediċi kunfidenzjali fuq dark web jekk il-familja Schumacher ma tħallasx €15-il miljun.

Ibnu ta’ 30 sena ngħata sentenza sospiża ta’ sitt xhur talli għen fil-kumplott tal-estorsjoni. It-tielet persuna, eks gwardjan tas-sigurtà fid-dar ta’ Schumacher, li ċaħad kull involviment, irċieva sentenza sospiża ta’ sentejn.

Il-missier u ibnu kienu ammettew il-biċċa l-kbira tal-akkużi kontrihom u l-missier, Yilmaz T, li kien jaħdem ta’ bouncer f’nightclub f’Costance fin-Nofsinhar tal-Ġrmanja, ammetta fil-qorti li dak li kien għamel kien “disgustanti ħafna”.

Fl-istqarrija tiegħu qal li kien irċieva żewġ hard drives ta’ kompjuter mingħand il-gwardjan tas-sigurtà, Markus F, li kien akkużat li għadda l-fajls sensittivi għal somma kbira ta’ flus.Wieħed mill-hard drives iżda ma ġie rkuprat qatt.

L-imħallef tefa’ l-ħtija kollha fuq il-gwardjan tas-sigurtà li ppermetta li jinbeda l-attentat tar-rikatt. L-avukati tal-familja Schumacher se jikkontestaw is-sentenza sospiża tiegħu. Markus F kien ilu jaħdem għall-familja 18-il xahar qabel ma seħħ l-inċident tal-iskijjar.

Skont id-difiża, mart Michael Schumacher, Corinna, kienet talbitu biex jiddiġitalizza r-ritratti privati tal-familja, iżda l-materjal kollu ma nstabx wara li l-kuntratt tiegħu ġie tterminat.

Sadanittnt, il-familja ta’ Michael Schumacher qed tippjana li tieħu azzjoni legali kontra rivista li ppubblikat ‘intervista’ falza ġġenerata mill-intelliġenza artifiċjali mal-eks sewwieq tal-Formula 1.

Michael Schumacher, seba’ darbiet champion tal-Formula 1, sofra ġrieħi gravi f’rasu f’inċident tal-iskijar f’Diċembru tal-2013 u minn dakinhar ma deherx aktar fil-pubbliku.

Wara l-inċident huwa tpoġġa f’koma indotta u nġieb id-dar f’Settembru tal-2014, bil-kundizzjoni medika tiegħu minn dak iż-żmien tinżamm mistura mill-familja tiegħu.

Schumacher rebaħ tnejn mit-titli mondjali tiegħu ta’ sewwieqa tal-F1 ma’ Benetton fl-1994 u l-1995, filwaqt li huwa kkonferma ħamsa rebħiet konsekuttivi għall-Ferrari mill-2000 sal-2004.

Tul il-karriera tiegħu, Schumacher rebaħ 91 tellieqa, rekord li nqabeż biss minn Louis Hamilton fl-2020.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport