Thursday, June 26, 2025

Ħatra ta’ Supretendenti, Spetturi u Kuntistabbli tal-Pulizija ta’ Riserva

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, numru ta’ uffiċjali ħadu l-ħatra f’diversi gradi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Waqt din iċ-ċerimonja, li kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Dr Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, erba’ Spetturi nħatru fil-kariga ta’ Supretendenti tal-Pulizija; għaxar uffiċjali ġew ippreżentati biċ-ċertifikati tal-ħatra fil-grad ta’ Spettur tal-Pulizija; waqt li ħadu l-ġurament tal-ħatra 29 Kuntistabbli ta’ Riserva.

Is-Supretendenti l-ġodda huma Godwin Scerri, Roderick Agius Custo, Therese Grima u Nicholas Vella.

Intant, l-għaxar Spetturi, qabel ma ħadu l-ħatra attendew kors fl-Akkademja tal-Forzi

Dixxiplinati bħala uffiċjali kadetti, kif ukoll għal perjodu ta’ żmien għamlu shadowing ma’ Spetturi oħra, bħala parti mill-preparazzjoni għal kariga ta’ Spettur. Issa, wara din il-ħatra, huma ser ikunu wkoll qed jattendu kors ta’ sentejn fl-Università ta’ Malta.

Fl-aħħar parti taċ-ċerimonja 29 uffiċjal li kienu fil-Korp tal-Pulizija jew ex-membri ta’ xi Korp dixxiplinat ieħor, ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala Kuntistabbli ta’ Riserva. Dawn il-Kuntistabbli ta’ Riserva ngħataw taħriġ fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja.

Il-Ministru Dr Byron Camilleri, waqt li awgura lil dawn l-uffiċjali, qal li “l-uniformi li ser tilbsu ta’ kuljum hija simbolu tal-fiduċja li l-istat qiegħed jagħtikom. Iżda aktar minn hekk simbolu ta’ responsabiltà lejn il-poplu tagħna. Hija responsabiltà sabiħa, li tkun ta’ servizz għall-poplu Malti u Għawdxi minkejja li mhijiex missjoni faċli, nemmen li huwa privileġġ u li t-taħriġ li ngħatajtu, il-kundizzjonijiet aqwa li qegħdin tgawdu minnhom u l-għodda li llum għandkom biex taħdmu – ser issarfuhom biex tagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.”

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà feraħ lill-uffiċjali kollha u fakkarhom fl-importanza li jibqgħu leali lejn il-missjoni ewlenija tal-Korp: “Huwa essenzjali li nkomplu naħdmu fi sħubija vera mal-komunitajiet li naqdu.” 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport