Wednesday, May 28, 2025

“HAWN GĦALIK” – Kanzunetta ġdida ta’ mħabba u gratitudni minn Kapitlu Tlettax u Reanue

Kapitlu Tlettax jerġa’ lura b’diskors emozzjonali f’din il-kollaborazzjoni ġdida

Aqra wkoll

YouTube video

Wara s-suċċess ta’ Tibqax Tgħix fil-Passat u Ħsibijiet, din tal-aħħar ippreżentata waqt l-aħħar edizzjoni ta’ Mużika Mużika f’kollaborazzjoni ma’ Ema u Liston, Kapitlu Tlettax, magħmul minn Joseph u Dwardu – jerġa’ lura b’kanzunetta ġdida u mimlija emozzjoni: Hawn Għalik.

Din id-darba jingħaqdu għall-ewwel darba ma’ Reanue, kantanta żagħżugħa u promettenti li ħadet sehem f’diversi spettakli mużikali fosthom Junior Voices u Tour Music Fest.

Hawn Għalik hija messaġġ ta’ mħabba u gratitudni, miktub minn tifla għall-missierha fil-jum tat-tieġ tagħha. Il-lirika ċentrali “nixtieq nirringrazzjak tal-imħabba li dejjem tajt” tirrifletti b’mod sempliċi iżda qawwi l-qalba tal-kanzunetta.

Il-produzzjoni kienet f’idejn Cyprian Cassar, filwaqt li l-vidjo mużikali ġie maħdum minn Memorabilia Films; b’kunċett sempliċi mimli emozzjoni.

“Din il-kanzunetta twieldet minn sens ta’ gratitudni li ħafna drabi jibqa’ fil-vojt. Kliem li forsi qatt ma jingħad direttament, iżda li jixirqilhom jinstemgħu b’mod sabiħ u sinċier,” qal Joseph f’isem Kapitlu Tlettax. Reanue żiedet, “Kelli ħafna emozzjoni f’din il-kanzunetta. Hija l-ewwel darba li qed nieħu sehem f’diska bħal din, u l-fatt li qed nagħmilha ma’ Kapitlu Tlettax għamlitha aktar speċjali. Hija diska li verament ħarġet mill-fond ta’ qalbi.”

Hawn Għalik issa hija disponibbli fuq YouTube u Facebook.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport