Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Meta kont żgħir bħal ħafna tfal ta’ dik l-etá kont inħobb nilgħab il-futbol u kont parti mit-tim tal-iskola. Darba fost l-oħrajn kellna logħba kontra tim ieħor ta’ skola oħra u kif spiccat din il-logħba ġew tnejn minn nies fuqi u staqsewni jekk kontx imħajjar nibda nittrenja man-nursery tagħhom. Kont nitħarreġ u nilgħab man- Nursery tal-Hamrun u għamilt nilgħab sal-kategorija tal-U21 u reserves dak iż- żmien.
Ovvjament iż-żmien għadda u kbirt … għaldaqstant l-imħabba għal-logħba baqgħet hemm u żviluppat biex konsegwentement dħalt fid-dinja tal-kowċing.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tal-U17s ta’ Pietá Hotspurs FC.
Dan l-istaġun qiegħed Assistant Coach mal-U17 kif ukoll mal-U19 (Minors). Bħala kowċ ma niddejjaq xejn inkun bħala Assistant Coach għax b’hekk inkun nista’ noqgħod aktar iffukat u attent għad-dettall li l-plejers ikunu qed ipoġġu fit-taħriġ tagħhom. Bħala etajiet huma daqsxejn ta’ sfida speċjalment minħabba li jibdew joħorġu u jiskopru aktar x’hemm u x’toffri l-ħajja hemm bara. Bħala kowċ inħobb ħafna plejers li jittrenjaw b’intensitá għolja għax naħseb li dan il-fattur huwa nieqes minn ħafna żgħażagħ Maltin.
Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Pietá Hotspurs FC FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-Nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?
Ma’ dan il-klabb sal-lum il-ġurnata ilni 22 sena u qatt ma ddispjaċieni li għamilt dan iż-żmien kollu. Il-valuri li jħaddan dan il-klabb vis-a-vis it-tfal li jiġu biex jitħarrġu, huma l-istess valuri li nħaddan jien bħala kowċ. Bħala klabb jemmen li jekk tifel għandu jkun parti mit-tim tal-kbar, iva se jagħmlu dak kollu possibli biex ikun hemm għax ikun ħaqqu. Ovvjament, dejjem ikun hemm diskussjoni bejn il- head coach tat-tim tal-kbar u l-kowċis rispettivi. Is-sigriet ta’ dan is-suċċess mhux sigriet imma ħafna paċenzja u perseveranza biex bħala kowċ tipprova toħroġ il- potenzjal li tifel jista’ jagħti bħala atleta u plejer tal-futbol.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
L-MFA investiet ħafna fil-kowċis biex b’hekk ikun hemm livell ta’ tagħlim ta’ ċertu livell fil-grassroots ta’ pajjiżna. Fl-etajiet iż-żgħar trid tkun paċenzjuz ħafna għax mhux it-tfal kollha jitgħallmu u jassorbu l-istess.
Ovvjament bħala kowċ insegwi ħafna l-logħob tal-U15 / U17 u U19 u nista’ ngħid li għandna livell tajjeb ħafna. Anke meta niġu biex nikkompetu barra minn pajjiżna, il-plejers tagħna jilagħbu u joffru livell ta’ futbol tajjeb.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Bħala livell tal-futbol Malti ħafna plejers Maltin qed jilagħbu fiċ-Challenge League għax dak tal-Malta Premier qed ikun hemm ħafna plejers barranin. Niftakar żmien meta barranin kienu jilagħbu tlieta biss allura kien hemm aktar spazju għall-plejers Maltin involuti fil-Premier. Opinjoni tiegħi li lini daż-żmien kollu nikkowċja fin-Nursery ma naqbilx ma’ dawn il-barranin kollha. Naqbel li jkun hemm barranin ta’ livel aktar tajjeb minn dak ta’ plejer Malti biex il-livell fit-taħriġ u waqt il-logħob ikun aħjar.
Jien insegwi ħafna ċ-Challenge League u nista’ ngħid li l-livell huwa wieħed tajjeb u kompetittiv ħafna. Ovvjament mhux se tħalltu ma’ dak tal-Malta Premier imma ġieli jiġu sitwazzjonijiet fejn tim taċ-Challenge League jagħti logħba lil dak tal-Premier.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l- logħob kompetittiv tagħhom?
Fiż-żmien ta’ meta kont żgħir jien aħna konna nitħarrġu u nilagħbu fuq iż-żrar u dejjem sejjer lejn id-dar b’xi ġerħa imma nista’ ngħid li kien żmien sabiħ u ma tinsieh qatt! It-tfal tal-lum għandhom il-lussu li jitħarrġu u jilagħbu fuq it-turf. Hawn ħafna klabbs li m’għandhomx dan il-lussu. Jien nieħu mill-klabb li nagħmel parti minnu jien bħala kowċ. Dan il-klabb jagħmel ħafna sagrifiċċji biex lit-tfal jipprovdilhom l-aqwa ambjent sportiv u ta’ livell possibli.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi bħala kowċ hu li nibqa’ nitħarreġ u nitgħallem għax il-logħba dejjem qiegħda tevolvi minħabba li hawn ħafna kowċis bravi u allaħares mhux hekk.
Li nibqa’ nagħti l-mija fil-mija tiegħi f’kull sessjoni ta’ taħriġ biex lit-tfal tagħna nwassalhom fejn ikun ħaqqhom!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ finali tiegħi hu li jekk trid tagħmel karriera fil-futbol trid tkun lest li tagħmel ħafna sagrifiċċji. Sagrifiċċji fejn trid tkun lest li tpoġġi l-logħba tal-futbol qabel kollox, u fejn tkun trid tagħti l-mija fil-mija tiegħek f’kull sessjoni ta’ taħriġ u f’kull logħba li tkun involut fiha.
Sagrifiċċji fejn meta tkun qiegħed bilqiegħda fuq il-bank u ma tkunx qiegħed tilgħab tibda taħseb u tgħid jien x’nista’ nagħmel aħjar u kif nista’ nkun plejer aħjar biex inkun qiegħed hemm qed nilgħab. Ċerti ħbieb trid tevithom għax jafu jibdlulek il-mentalitá li jkollok u jimmisgwidawk għal xi ħaga li m’għandhiex x’taqsam mal-ħaġa li tkun tħobb int u tkun ilek tagħmel sagrifiċċji għaliha.
Dejjem kun lest biex li tgħallimt illum għada tagħmlu aħjar u b’iktar intensitá ħalli tkun plejer aħjar.
U ħaġa biex nagħlaq biha hija din: hawn ħafna plejers imma biex tkun futboler trid tkun lest li tissagrifika kollox u paċenzjuż għax mhux dejjem jiġi kollox kif trid int!