Thursday, February 27, 2025

Hawn ħafna talent fil-futbol lokali, speċjalment fost iż-żgħażagħ, imma jridu jkunu lesti li jagħmlu sagrifiċċju – Joseph Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn meta kont żgħir, il-mamà minn dejjem kienet tgħidli li kont inżomm il-ballun f’saqajja, u anke meta kont immur ma’ missieri l-garaxx kont noqgħod nilgħab il-ballun. Anke meta konna noħorġu dejjem bil-ballun. Qisu minn mindu twelidt dejjem kelli l-ħajra għall-ballun, qisha kienet ġo fija mindu żgħir. Aħna ġejjin ukoll minn familja tal-futbol allura din żgur li kienet ġo fija.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala assistant coach ta’ Pietà Hotspurs FC.

Mal-Pietà din issa t-tielet sena tiegħi bħala assistant coach tal-kbar. Ninsab kuntent ħafna mal-klabb; hemm struttura tajba ħafna, mal-kbar naħdmu ħafna wkoll u wkoll fuq l-iżvilupp tat-tfal, għax kif kulħadd jaf, il-Pietà huwa l-aktar klabb li jagħti ċans lit-tfal tan-nursery. Is-sena d-dieħla hemm possibilità kbira li ma nibqax assistant tal-klabb, imma ser nieħu rwol ieħor fil-klabb, fejn ser inkun qed nieħu ħsieb is-settur kompettitiv, mill-Under 14 sal-Youths, u ninsab ħerqan biex inkompli ngħin lil dawn it-tfal li jippromettu ħafna biex jiżviluppaw fi plejers aħjar.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

Naħseb fuq l-andament tat-tim, li qegħdin mal-ewwel sitta jfisser ħafna, meta tqis ukoll li għandna plejers li għadhom żgħażagħ. Għandna tim li l-età medja hija ta’ għoxrin sena, jiġifieri hemm ħafna prodotti tan-nursery, li hija xi ħaġa pożittiva. Huwa importanti li nibqgħu nikkompetu sal-aħħar u nirbħu l-logħba. Dak huwa xi ħaġa li nisħqu fuqha bħala staff tekniku; għadna qed niġġieldu għall-promozzjoni li hija xi ħaġa sabiħa għall-klabb tal-Pietà.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Bħala tragward ovvjament li nibqgħu kompetittivi sal-aħħar, li nibqgħu nippruvaw nirbħu kull logħba, u li nkunu qed niġġieldu għall-promozzjoni. Dak huwa t-tragward tal-istaġun.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Bħala livell, qed jinżlu ħafna plejers minħabba li fil-Premier qed ikun hemm ħafna plejers barranin, u allura plejers ta’ livell qed jinżlu fiċ-Challenge league, u li huma plejers ta’ ċertu livell u jogħla l-livell. Din is-sena ma tantx segwejt premier, iżda ma jogħġobnix il-fatt li fil-Premiere hemm ħafna barranin speċjalment meta ma jkunux ta’ ċertu livell għax ikunu qed jieħdu post plejers Maltin li huma wkoll ta’ livell. Bħala Challenge League, l-ewwel tmienja huma kollha kompetittivi u dan juri li hemm ċertu bilanċ fil-league.

U l-livell tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Il-logħob tagħna nilagħbuh fil-Victor Tedesco Stadium u fis-Centenary Stadium. Bħala grawnd, speċjalment is-Centenary tieħu pjaċir tilgħab hemm, u nemmen li kieku għandna xi tliet grawnds oħra hekk, il-livell tal-futbol Malti se jogħla, għax meta tilgħab f’grawnd hekk ta’ livell, bla ma trid il-livell ser jogħla.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Bħala messaġġ finali, nemmen li l-futbol fih it-tajjeb u l-ħażin. Hemm aktar ħażin, fis-sens li jkun hemm sagrifiċċji kbar, ’il bogħod mill-familja eċċ, però, bit-tajjeb li fih tinsa l-ħażin kollu li fih il-futbol, għax eżempju meta tirbaħ xi logħba jew tiskorja xi gowl, tinsa dak is-sagrifiċċju kollu li tkun għamilt. Jiena nemmen li mingħajr sagrifiċċju plejer ma jistax jasal. Hawn ħafna talent, speċjalment fost iż-żgħażagħ, imma jridu jkunu lesti li jagħmlu sagrifiċċju. Insemmi n-neputi li jinsab jilgħab il-Polonja, li dan telaq waħdu jgħix hemmhekk, qed jagħmel sagrifiċċju, iżda nemmen li biex dan tjieb hekk ried jagħmel. Nemmen li hemm ħafna plejers li għamlu bħalu u mxew fuq il-passi tiegħu u għollew il-livell barra minn xtutna. Mingħajr sagrifiċċju ma jsir xejn. Jien ukoll lgħabt sa erbgħin sena, u biex bqajt nilgħab kont nagħmel sagrifiċċji kbar; anke llum bħala kowċ – irrid nattendi xi korsijiet, ’il bogħod mill-familja, preparamenti. Fih ħafna sagrifiċċji, imma mingħajr is-sagrifiċċji ma tistax tasal. Nemmen li hawn ħafna potenzjal fiż-żgħażagħ, speċjalment fil-Pietà, imma jridu jkunu lesti li jagħmlu sagrifiċċju u jaħdmu bis-serjetà.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport