Wednesday, October 22, 2025

Hawn wisq bini

Aqra wkoll

Xtaqt nibda bi stqarrija. It-titlu tal-kummentarju tal-lum mhux oriġinali. Isselliftu mill-paġna ta’ quddiem tal-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista IN-NAZZJON tal-10 ta’ Ottubru tas-sena 2000, preċiżament 25 sena ilu! Għamilt dan bl-ebda skop ta’ politika partiġġjana. Lanqas ma fittixt din il-ħarġa tal-gazzetta Nazzjonalista b’għan speċifiku.

Jien naqra kollox, jew biex inkun eżatt nagħti ħarsa lejn il-paġni kollha tal-gazzetti kollha li joħorġu fi gżiritna. L-Editur tan-NAZZJON, il-ħabib tiegħi Joe Cassar, għandu sistema li fil-paġna tal-editorjal idaħħal ritratt tal-paġna ta’ quddiem tal-istess gazzetta b’ħarsa lura ta’ 25 sena. Kont nagħmel hekk jien ukoll meta kont Editur tal-gazzetta l-orizzont. Kont nikkunsidraha bħala ħarsa lura interessanti. Insomma, gosti ta’ min ikun jokkupa l-kariga ta’ Editur.

Imma ejja ma noħroġx minn triqti. L-għajta ‘Hawn wisq bini’ naħseb li hija għajta, jew karba, ta’ kuljum. Dejjem marbuta mal-każ AMBJENT.  Ma naħsibx li hawn min jista’ jikkontesta l-attwalità riflessa fit-titlu ta’ 25 sena ilu: Hawn wisq bini. Jakkumpanja r-ritratt tal-gazzetta IN-NAZZJON ta’ 25 sena ilu kien hemm hekk: Minn stħarriġ dwar l-ambjent li kien sar mill-Awtorità tal-Ippjanar kien irriżulta li tliet kwarti tal-Maltin dak iż-żmien kienu jaħsbu li kien hemm wisq bini u li ma riedux li jsir bini f’żoni li kienu ‘l barra mill-iskemi. Mill-istħarriġ kien irriżulta wkoll li maġġoranza kbira riedu penali fuq il-bini vojt, li jsir inċineratur u li l-iskart jibda jintagħżel fid-djar.

Taħseb bħali, li bħal donnu f’25 sena ma nbidel xejn f’dan ir-rigward? Sitt snin wara dak it-titlu, kienu ngħataw  meded kbar ta’ artijiet għall-bini, li qabel ma kinux għall-bini, il-famuż ‘Pjan George Pullicino’. Il-popolazzjoni fi gżiritna kibret. U mhux ftit. U allura hija xi ħaġa konsegwenzjali li tikber id-domanda għall-bini.

Waqt li nkun qed insuq, u mhux f’xi post partikolari jew ieħor, imma kullimkien, ninnota xefaq abjad kull fejn tħares. Blokok ta’ bini. Wieħed wara l-ieħor. Wieħed biswit l-ieħor. Kultant taħsibhom f’pika min jogħla l-iktar! Naħseb li bħali tinnota wkoll ftuħ ta’ toroq ġodda, u allura inqas spazji miftuħa. Ninnota wkoll, u naħseb li int ukoll, djar ta’ żewġ sulari jogħsfru mit-toroq u flokhom inġenji kbar jieklu b’ħeffa mill-art u fi ftit jiem l-inġenji ma tarahomx għax ikunu niżlu ma nafx kemm-il pied taħt l-art biex hemmhekk imbagħad jittellgħu żewġ sulari u nerġgħu niġu livell mat-triq. Imbagħad, flok l-inġenji li jieklu mill-art jasal xi krejn daqshiex biex is-sid jikkumpensa għaż-żewġ sulari oriġinali tal-binja li jkun waqqa’ u issa jtella’ erbgħa u ‘penthouse’ irtirata, ħamsa b’kollox apparti ta’ taħt l-art.

U kull darba nispiċċa nistaqsi lili nnifsi: possibbli li l-provvista ta’ daqstant bini ġdid għadha mhux qed tlaħħaq mad-domanda? Jew il-faċċata tal-binja ma tkunx biss faċċata tal-binja imma tkun qed tostor xi ħaġa oħra?

Qed nikkummenta b’dan il-mod biex ma jkunx hawn min jaħseb li bħal donnu l-poplu Malti stenbaħ ilbieraħ jilmenta, jipprotesta, kontra l-bini ta’ aktar blokok! Ilna għaddejjin mill-inqas 25 sena nilmentaw li ‘hawn wisq bini’. Daqqa mod u daqqa mod ieħor. It-tema ta’ bħalissa hija kontra l-għoli u n-numru ta’ sulari għax bħal donnu l-iżviluppaturi daħlu f’pika bejniethom dwar min se jirnexxielu jilħaq is-sema l-ewwel!

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport