Waħda mit-toroq ewlenin f’Ħaż-Żabbar libset libsa ikkulurita b’installazzjoni kbira ta’ umbrellel ikkuluriti, li se tkun armata għal jiem li ġejjin.
Din l-idea bdiet fl-2018 meta, dak iż-żmien, is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, Marc Vella Bonnici, ħareġ b’din l-inizjattiva artistika li kienet ġibdet lejn Ħaż-Żabbar eluf ta’ Maltin u turisti. Sitt snin wara, l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D. 1883 reġgħet tat ħajja lil din l-inizjattiva li diġà qed tiġbed l-attenzjoni ta’ ħafna.
Aktar kmieni dalgħodu, il-volontiera li ħadmu fuq din l-attività nedew uffiċjalment l-installazzjoni, li se tibqa’ armata għal diversi jiem. Waqt it-tnedija, Marc Vella Bonnici rringrazzja lill-volontiera kollha għall-ħidma tagħhom u wera s-sodisfazzjon tiegħu li din l-idea artistika reġgħet ħadet il-ħajja.
Il-President tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, Quinton Scerri, wera s-sodisfazzjoni tiegħu li bħala għaqda volontarja rnexxielhom iwettqu b’suċċess dan il-proġett li għandu l-għan li jiġbed eluf ta’ Maltin u Għawdxin lejn Ħaż-Żabbar, u b’hekk tkompli tissaħħaħ aktar l-identità lokali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, l-Onor. Glenn Bedingfield, attenda wkoll għat-tnedija, fejn irringrazzja lill-volontiera għall-kontribuzzjoni tagħhom kif ukoll lill-Għaqda għall-inizjattiva li qed tagħti ħajja mill-ġdid liċ-ċentru tal-lokal.
Din l-installazzjoni se tkun akkumpanjata minn numru ta’ attivitajiet matul dawn il-jumejn. Illejla, il-finali taċ-Champions League se tintwera fuq big screen, b’attivitajiet għall-familja kollha. Il-Ħadd filgħodu, mill-10am ’il quddiem, se jsir ukoll programm ta’ attivitajiet fosthom car show, logħob għat-tfal, artisan market, inizjattivi għall-familja, u maratona li permezz tagħha se jinġabru fondi għall-festa tant popolari ta’ Ħaż-Żabbar.