Ħaż-Żabbar dalgħodu ra l-ħruġ mill-każin, akkumpanjat minn marċ, tal-istatwa tal-Arkanġlu San Mikiel. Din iċ-ċelebrazzjoni tat bidu għal kważi xahar ta’ attivitajiet li jilħqu l-qofol tagħhom fil-15 ta’ Settembru fil-Festa tal-Madonna tal-Grazzja. Barra l-ħruġ tal-istatwa, li s-sena l-oħra ġiet irrestawrata, waqt il-marċ ta’ filgħodu sar b’suċċess tentattiv biex jiġu mwaqqfa żewġ rekords nazzjonali ġodda ta’ logħob tan-nar.
F’kumment li ta lil dan il-ġurnal Malcolm Spiteri tal-Greens Media Team tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Ħaż-Żabbar, qalilna li din is-sena jaħbat għeluq l-40 sena mill-wasla tal-istatwa ta’ San Mikiel fil-każin. “Sal-2017 kien baqa’ jsir il-marċ filgħaxija bl-istatwa tal-Arkanġlu San Mikiel mat-toroq, akkumpanjata bil-Banda San Mikiel, flimkien mal-briju u n-nar. Mill-2018 ’il hawn, dan il-marċ ta’ San Mikiel beda jsir f’Awwissu fejn il-parteċipazzjoni tan-nies żdiedet sew. Is-sena l-oħra fl-2023, din l-istatwa ta’ San Mikiel, kapulavur tal-artist u Kavallier Alfred Camilleri Cauchi ġiet restawrata b’mod estensiv u indurata bid-deheb minn iben l-artist Aaron Camilleri Cauchi. Dan ix-xogħol ġie inawgurat quddiem il-Każin, ftit qabel beda l-marċ ta’ filgħodu l-Ħadd 20 ta’ Awwissu 2023”.
Fil-fatt, din is-Soċjetà hija l-unika Soċjetà mużikali Żabbarija li tiċċelebra żewġ marċijiet ta’ filgħodu għax tliet ġimgħat wara tagħmel ukoll il-marċ tat-Te Deum fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja. “Tajjeb ngħid ukoll li s-Soċjetà, barra li tagħti importanza lill-Festa ta’ San Mikiel, daqstant ieħor tagħti importanza lill-Festa tal-Madonna tal-Grazzja u għal Festa waħda, is-Soċjetà tagħmel tnejn. Dan huwa grazzi għall-ħidma li jwettqu ħafna volontiera kemm fil-Kumitat Ċentrali, kif ukoll fil-Kummissjonijiet rispettivi li lkoll jaħdmu b’għan wieħed li niċċelebraw dawn il-festi kif imiss,” kompla Schembri.
Huwa qal li f’dawn l-aħħar snin is-Soċjetà minbarra l-marċ ta’ San Mikiel li torganizza f’Awwissu, qiegħda ttella’ wkoll numru ta’ attivitajiet li jibdew minn l-għada ta’ Santa Marija u li jibqgħu għaddejjin sakemm jiġi ċċelebrat il-marċ ta’ San Mikiel filwaqt li tkompli għaddejja b’numru ta’ attivitajiet, inkluż il-marċi, li jwasslu sal-Festa tal-Madonna tal-Grazzja li din is-sena se tkun iċċelebrata l-Ħadd 15 ta’ Settembru. Fir-rigward Schembri spjega li, “tista’ tgħid għandna xahar sħiħ miżgħud b’attivitajiet varji. Ftit huma, jekk hawn, Soċjetajiet bħalna li jiċċelebraw il-festi kbar fuq din l-iskala”.
Barra l-marċ ta’ filgħodu bl-istatwa ta’ San Mikiel akkumpanjata bil-banda, briju u ħafna nies, ġew organizzati żewġ attivitajiet oħra – dik taż-“Zabbar 5K Race & Walkathon” li saret filgħodu kmieni qabel il-marċ u l-oħra l-“Green Rally” wara l-marċ.
Il-“5K Race & Walkathon” issa daħlet fis-seba’ edizzjoni tagħha. Fil-bidu kienu jieħdu sehem 150 atleta, iżda llum din tant kibret li qegħdin jieħdu sehem 450 atleta. Din l-attività sportiva darba biss ma saritx f’Awwissu. Minħabba l-pandemija tal-Covid-19, din kienet saret f’Diċembru.
Din is-sena wkoll, waqt il-marċ ta’ filgħodu, ġew imwaqqfa żewġ rekords nazzjonali ġodda tan-nar – dawk għall-akbar ballun tan-nar ta’ binhar, kollu bid-daħna kulur (anallina) u b’żewġ ħsejjes fejn kull ħoss kellu kulur differenti; u fetħa b’qasma waħda ta’ tmien pulzieri b’disa’ ħsejjes fejn kull ħoss kellu kulur tad-daħna (anallina) differenti li jinħaraq binhar.