Ħbieb ta’ Jean Paul Sofia ftit tal-ħin ilu reġgħu poġġew ritratt tiegħu quddiem il-binja ta’ Kastilja. Huma qalu li dan ir-ritratt se jibqa’ sakemm tinfetaħ inkjesta Pubblika.
Ritratt simili tpoġġa lbieraħ filgħaxija minn omm Jean Paul, iżda dan “fis-satra tal-lejl tneħħa kollox”.
Omm Jean Paul aktar kmieni llum rringrazzjat lil kull min wera s-sapport tiegħu u lil dawk li kien beħsiebhom imorru jpoġġu xemgħa biswit ir-ritratt ta’ binha.
Intant matul il-ġurnata tal-lum il-Prim Ministru Robert Abela kiteb lill-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti b’rabta mal-inkjesta maġisterjali dwar l-inċident fatali li seħħ f’Kordin fit-3 ta’ Diċembru 2022, li fih tilef ħajtu Jean Paul Sofia.
Fl-ittra, il-Prim Ministru qal li sal-lum, il-proces-verbal dwar dan il-każ li dwaru hemm inkjesta maġisterjali preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia għadu ma ġiex redatt u allura l-inkjesta għadha ma ngħalqitx.