Sunday, November 24, 2024

“Ħdimna kuljum biex nilqgħu għad-daqqa taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija”

Il-Ministru Miriam Dalli tikkonferma li l-gvern se jkompli l-akbar investiment ambjentali fl-istorja.

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Li kieku Bernard Grech ingħata l-fiduċja u kien Prim Ministru f’din is-sitwazzjoni, kieku n-nies qed iħallsu iktar. Ħadd ma nesa li wara l-aħħar budget kien qal li l-prezzijiet tal-enerġija għandhom jinbidlu skont il-prezzijiet internazzjonali”. Iddikjarat dan il-Ministru għall-Ambjent l-Enerġija u l-Intrapriżi Miriam Dalli ma’ Talk.mt meta mitluba titkellem dwar l-istrateġija ta’ pajjiżna fid-dawl tal-effetti tal-invażjoni fl-Ukrajna li sammret pajjiżi b’ekonomiji ferm ikbar minn ta’ pajjiżna.

Il-Ministru Dalli kompliet biex tgħid li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, gvern Laburista, b’differenza mill-amministrazzjonijiet ta’ qabel l-2013, quddiem l-isfidi jfittex kif se jappoġġja lill-familji u lin-negozji. Dalli fakkret li matul dawn l-aħħar sentejn ta’ pandemija l-gvern ikkonferma l-appoġġ tiegħu b’diversi għajnuniet u qiegħed ikompli jagħmel dan quddiem pressjoni internazzjonali li mhix żgħira partikolarment minħabba l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna.

Mistoqsija dwar is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna li s’issa żamm reżiljenti quddiem tali sfidi u x’wassal għal din ir-residenza, il-Ministru qalet li dan seta’ jsir għax kellna gvern li jifhem l-importanza ta’ tariffi affordabbli għal servizzi essenzjali, bħall-elettriku, l-ilma u l-fjuwils. Kien għalhekk li f’dawn l-aħħar xhur u snin, saret ħidma biex il-familji u n-negozji f’Malta jibqgħu kemm jista’ jkun protetti minkejja sfidi kbar, fosthom il-pandemija, l-għoli tal-ħajja fuq livell internazzjonali u l-impatt tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna fuq il-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa.

 Il-Gvern żviluppa taħlita ta’ sorsi t’enerġija flessibbli u sigura, sabiex ma niddependux biss fuq sors wieħed, bħalma kien jiġri mingħajr l-investiment f’power station ġdida li ma tniġġisx minflok dawk antiki tal-heavy fuel oil. Kompliet biex tgħid li dan il-Gvern żamm il-wegħda tiegħu meta lesta wkoll l-Interconnector. Tenniet li dan kollu joħroġ ċar kemm l-energy mix hija importanti għax kieku niddependu biss mill-Interconnector bejn Malta u Sqallija, kieku l-Enemalta bħalissa qiegħda tħallas ferm aktar għall-elettriku li teħtieġ għall-klijenti tagħha.

Sadanitant ftit jiem ilu, statistika tal-Unjoni Ewropea dwar il-piż tal-kontijiet tal-enerġija irriżulta li Malta għandha t-tieni l-orħos prezzijiet fis-settur u t-tieni l-inqas rata ta’ inflazzjoni mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Kieku l-gvern ma intervjenix billi ssuddidja l-prezz tal-enerġija u l-fjuwil, kif għamel fir-rigward tal-qmuħ u l-għalf kieku, kull familja f’Malta bħalissa jkollha tħallas madwar €892 aktar fi fjuwils, €90 aktar f’ċilindri tal-gass u €717 aktar fil-kontijiet tad-dawl kull sena. Dan ifisser li din is-sena, kull familja qed tffranka minn tal-anqas €1,700 bis-saħħa tal-politika ta’ stabbilità tal-Gvern.

Rigward il-biża’ ta’ pajjiżi Ewropej li qegħdin kontinwament ibassru dwar riċessjoni minħabba dak li għaddej fl-Ukrajna, il-Ministru qalet li l-Gvern se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex isostni r-ritmu ekonomiku għaliex b’hekk ikun jista’ jibqa’ jinvesti fin-nies. 

 Din il-politika hija waħda mill-fatturi ewlenin għas-suċċess ta’ pajjiżna fis-snin li għaddew, b’rati ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħithom u fost l-inqas rati ta’ qgħad fl-Ewropa. Il-ġid ekonomiku li ħoloq pajjiżna wassal ukoll biex il-Gvern seta’ jinvesti bi sħiħ f’diversi oqsma kruċjali, fosthom l-għajnuniet soċjali, l-appoġġ lill-familji, lin-negozji u lill-industrija fi żmien il-pandemija, is-saħħa, il-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tad-dawl, il-provvista tal-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart u l-infrastruttura.

“Kif imwiegħed fix-xhur li għaddew, il-Gvern issa qed iniedi wkoll l-akbar investiment ambjentali fl-istorja, b’aktar ġonna u postijiet miftuħa u aktar proġetti ta’ ħarsien ta’ żoni naturali fuq l-art u fil-baħar, fis-seba’ snin li ġejjin”, tenniet tgħid il-Ministru Dalli.

Sport