Saturday, October 26, 2024

Ħebb għalih b’sikkina għax ħaseb li seraqlu l-mobile

Mohamed Keita jintbagħat sitt xhur ħabs

Aqra wkoll

Raġel li ħebb għal ieħor b’sikkina għax ħaseb li seraqlu l-mobile, kien ikkundannat sitt xhur ħabs wara li wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Il-każ seħħ nhar is-7 ta’ Settembru li għadda fil-Ħamrun u bnadi oħra f’dawn il-gżejjer. 

Mohamed Keita ta’ 25 sena residenti l-Marsa kien tressaq il-Qorti mixli li ħebb għal Fatherwor Etumuton u heddu, kiser il-paċi pubblika, li rreżista l-pulizija u m’obdiex l-ordnijiet tagħhom. 

Fl-ewwel seduta, il-Prosekuzzjoni rtirat l-akkuża ta’ attentat ta’ ferita gravi. Dan filwaqt li ma rriżultax mill-provi li Keita kien kkaġuna feriti ħfief fuq il-vittma b’arma li taqta’ u bil-ponta u għaldaqstant ma nstabx ħati tagħha. 

Keita, li ilu tliet snin jgħix hawn Malta u għandu fedina penali netta, nstab ħati iżda tal-akkużi l-oħra. Għall-fini ta’ piena, il-Qorti kkunsidrat li l-imputat irreġistra ammissjoni fi stadju bikri ta’ dawn il-proċeduri, u għaldaqstant ma ħelix il-ħin tal-forzi tal-ordni u tal-Qrati. 

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia semgħet kif il-ġlieda bejn l-imputat u l-vittma inqalgħet għaliex l-imputat issuspetta li l-vittma kien seraqlu l-mobile u l-argument skala, tant li l-imputat attakka lill-vittma b’sikkina però b’xorti tajba ma laqtux. 

L-imputat irreżista wkoll xi uffiċjali tal-pulizija meta marru biex jarrestawh. Però ma jirriżultax li weġġa’ xi wieħed mill-uffiċjali tal-pulizija involuti. Meta kkunsidrat iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, il-Qorti qalet li hi tal-opinjoni li l-piena karċerarja għandha tkun waħda ta’ priġunerija effettiva. 

“Dan minħabba li mhux aċċettabbli li f’soċjetà ċivili li għax jinqala’ argument bejn żewġ persuni, anke jekk għax persuna tissuspetta li l-persuna l-oħra wettqet reat, persuna tagħmel ġustizzja b’idejha, huwa jħebb għall-persuna l-oħra b’sikkina.”

Fortunatament dan il-każ ma kellux konsegwenzi, għax in-nies fit-triq ċemplu immedjatament lill-Pulizija li intervjeniet. Aktar minn hekk, il-Qorti qalet li lanqas mhu aċċettabbli li persuna tirreżisti bil-vjolenza uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni bikrija u l-fedina penali netta tiegħu u saħqet li kienet tal-fehma li l-piena kellha tkun waħda fil-minimu. 

Wara li qieset kollox, il-Qorti sabitu ħati tal-imsemmija akkużi u kkundannatu sitt xhur ħabs flimkien ma’ multa ta’ €4,060.

Sport