Raġel ta’ 33 sena residenti l-Mosta u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ingħata l-ħelsien mill-arrest. Dan wara li fil-Qorti kien mixli li allegatament pprova jifga lil martu darbtejn u heddiha li jekk titilqu jagħmilha bħal ‘Bernice Cilia’.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef spjega li l-imputat kien arrestat fil-bidu tax-xahar li għadda. Ingħad li l-Pulizija rċeviet rapport mingħand il-vittma. Mal-pulizija, il-vittma spjegat li meta daħlet lil binthom fil-kamra tas-sodda sabiex taqralha ktieb u tikkalmaha, il-missier daħal fil-kamra warajhom u wadbilha ktieb.
Żiedet li fil-pront ħarġet mill-kamra u li dak il-ħin allegatament l-imputat pprova jivgaha darbtejn. Mal-Pulizija, hija kompliet tispjega li meta ppruvat tieħu ritratti tal-ġrieħi li sofriet, dan ħadilha l-mowbajl. Hija allegat ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li żewgha ħebb għaliha, bis-swat beda fil-bidu taż-żwieġ tagħhom u skontha ggrava matul it-tqala tagħha.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li pprosediet il-każ, l-imputat wieġeb li mhuwiex ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġie oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba l-biża li l-akkużat jista javviċina lill-vittma.
Il-Maġistart Vella laqgħet it-talba tad-Difiża fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Hija ordnat ukoll sabiex l-akkużat biex jiffirma kull nhar ta’ Tnejn u s-Sibt bejn it-8am. u s-6pm. fl-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta u li jirtira d-dar fit-8.30pm. u ma joħroġ qabel il-5.30am.
Għall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.