F’intervent fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu, l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela saħaq li l-Partit Laburista għandu ħeġġa kbira li jkun verżjoni aħjar tiegħu nnifsu u dan kommess li jagħmlu kemm fuq livell ta’ Gvern u anki Partit. Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għal numru ta’ bidliet li Gvern Laburista wettaq sa din il-ġimgħa stess.
Hawn semma l-introduzzjoni ta’ servizz mingħajr ħlas għaċ-ċittadini li jitolbu għajnuna professjonali ta’ Avukat jew Perit għax milquta mis-settur tal-kostruzzjoni u jeħtieġu jħarsu d-drittijiet tagħhom.
Il-Prim Ministru qal li mill-aħħar jiem kemm ilu ġie introdott dan is-servizz wara dak tal-helpline 138, diġà daħlu għoxrin talba li qed jiġu evalwati u jingħataw is-servizz meħtieġ.
“Ir-realtà turik li jkollok min jaqta’ qalbu għas-skapitù li jipperikola l-interessi tiegħu u joqgħod lura milli jfittex l-għajuna professjonali biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu. Din miżura oħra li wegħdna li se nagħmlu u qed inwettquha”, saħaq Dr Abela hu u jisħaq li ħaddieħor jitkellem u jdawwar kollox f’ballun politiku filwaqt li l-Gvern jiddeċiedi u jimplimenta.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll riforma oħra li daħlet fis-seħħ propju mil-lum fejn l-Awtorità tad-Djar ingħatat iżjed saħħa biex tkompli tinforza. Qal dan fir-rigward ta’ Avviż Legali dwar limitu stipulat ta’ persuni li jirrisjedu f’residenza mikrija fejn ma tapplikax għall-familji.
Il-Prim Ministru nnota l-penali marbuta ma’ min jikser il-liġi li jfisser ukoll li ma jħarisx id-dinjità tal-persuni. “Mhux se nittolleraw abbużi kemm b’rispett lejn id-dinjità ta’ min jirrisjedi fir-residenza mikrija u anki b’rispett lejn ġirien. Min irid jagħmel il-flus għas-skapitù tan-nies ma għandux post f’dan il-pajjiż u se jsib Gvern li jikkumbattih bis-saħħa”, aċċenna l-Prim Ministru hu u jisħaq ukoll fuq l-importanza tal-infurzar.
Dr Abela rrefera wkoll għal riforma oħra li tidher ċkejkna iżda sinjifikanti għan-nies. Hawn irrimarka kif Gvern b’ruħ soċjali ma jridx jinsa lanqas persuna waħda u l-bidla fuq l-assessjar rigoruż għall-benefiċċji tad-diżabilità se tfisser li persuni b’diżabilitajiet moħbija jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tagħhom ukoll.
Mistoqsi dwar il-proċess ta’ tiġdid fil-Partit Laburista, il-Prim Ministru fisser dan it-tiġdid bħala wieħed mill-akbar fl-istorja ta’ dan il-Partit. Innota Oppożizzjoni li tibqa’ ma tinbidilx u tinfexx fis-sensazzjonaliżmu u għalhekk tikber ir-responsabbiltà fuq il-Partit Laburista li jibqa’ jkun il-vuċi favur is-sewwa u jiġġedded anki mill-Gvern.
Saħaq li l-Konferenza Ġenerali li tibda b’votazzjoni fit-13 u l-14 ta’ Settembru hi parti mill-bidu ta’ proċess ta’ tiġdid. Huwa nnota l-attiviżmu b’saħħtu fil-Partit Laburista fejn bosta nies ressqu ’l quddiem għall-fiduċja tad-delegati biex iservu fl-Amministrazzjoni u l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista.
Qal li fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali fil-15 ta’ Settembru se nkomplu nagħtu sinjal qawwi ta’ Gvern li jrid ikompli jimplimenta l-manifest ‘Malta Flimkien’ u bih jindirizza l-prijoritajiet taż-żgħażagħ, il-middle-class, il-familji u l-pensjonanti.