Żewġ awtoritajiet separati b’numri differenti ngħaqdu f’sistema waħda ċentralizzata. Dan seħħ bit-tnedija tal-helpline ġdid bin-numru 138 li se jkun punt ta’ referenza, 24 siegħa kuljum, għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).
Dan il-helpline huwa wieħed mill-ħames inizjattivi immedjati li l-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ġstizzja u s-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard kienu ħabbru fi Frar li għadda mal-pubblikazzjoni tal-inkjesta dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Il-Ministru Attard irrimarka kif il-pubbliku għandu jkollu aċċess faċli u effettiv ta’ rappurtaġġ fil-pront lill-entitajiet regolatorji kollha, 24 siegħa kuljum, inkluż is-Sibtijiet u l-Ħdud. Dan sabiex iwasslu t-tħassib u l-biżgħat li jkollhom dwar ċerti binjiet u siti ta’ kostruzzjoni.
Din is-sistema hija mibnija wara diversi laqgħat bejn l-OHSA, il-BCA u servizz.gov. Fl-istess waqt, ġew ingaġġati aġenti li rċevew taħriġ professjonali ta’ kif għandhom jindirizzaw liċ-ċittadini li se jkunu qegħdin jużaw dan is-servizz.
It-taħriġ tal-aġenti se jkun wieħed kontinwu u minbarra li l-istess telefonati se jkunu qegħdin itejbu s-servizz, l-aġenti se jkunu wkoll qed jiġu aġġornati mill-awtoritajiet rispettivi.
Il-Ministru Attard spjega li żamm kuntatt regolari ma’ Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, li min-naħa tagħha wriet interess f’dan il-proċess informattiv fir-rigward tas-settur
In-numru 138 jirrappreżenta d-data tat-twelid ta’ Jean Paul, illi kieku għadu ħaj ftit tal-jiem oħra jagħlaq sninu proprju fit-13 ta’ Awwissu.
Fl-aħħar xhur twettqu riformi bla preċedent f’dan is-settur, riformi li se jkomplu jwittu t-triq sabiex l-istandards ikomplu jogħlew. Iddaħħlu wkoll emendi li jsaħħu r-responsabilità u l-obbligu tal-assigurazzjoni f’siti ta’ kostruzzjoni fl-interess ta’ terzi u ħaddiema.
Il-liġi tal-OHSA hija inizjattiva oħra importanti biex wara 20 sena fil-pajjiż ikollna liġi li tirrifletti l-esiġenzi tal-lum u ta’ għada.
Dalwaqt se tiġi imħabbra wkoll iniżjattiva oħra importanti li se tkun qed tikkumplimenta s-servizz tal-helpline. Din se toffri assistenza ta’ Avukati u Periti bla ħlas lil terzi affettwati mill-kostruzzjoni.
Se titwettaq ukoll riforma oħra importanti fil-liċenzjar tal-Bennejja, bil-pubblikazzjoni ta’ sett ta’ regolamenti ntiżi li jkomplu jikkontribwixxu għal kultura ta’ responsabilità.
Dan ifisser li fi żmien sitt xhur se jkunu implimentati l-maġġoranza assoluta tal-inizjattivi imħabbra fi Frar li għadda. Dan filwaqt li twettaq investiment u ristrutturar bla preċedent fl-Awtoritajiet biex mhux biss jissaħħaħ l-aspett regolatorju, imma wkoll dak tal-infurzar.