Friday, November 15, 2024

Helpline għal assistenza massima għall-problemi ta’ saħħa mentali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne nieda l-helpline 1579 li se tkun qiegħda topera 24 siegħa kuljum is-sena kollha biex jindirizza ż-żieda ta’ persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali fl-aħħar sentejn. 

Waqt konferenza dwar dan il-għan, il-Ministru Fearne qal li, studji internazzjonali matul l-ewwel xhur tal-pandemija juru li l-inċidenza ta’ kundizzjonijiet mentali bħalma hija l-ansjetà żdiedu b’ċifri preokuppanti anke sa 20 fil-mija.

Fearne qal ukoll li meta pajjiżna beda linja għal persuni li jċemplu għal swabbing fuq in-numru 111, ġie nnutat li l-persuni aktar kienu qed jiftħu qalbhom, u għalhekk inħasset il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni direttament minn persuni mħarrġin speċifikament għalhekk.

Il-Ministru qal li dan kompla jsaħħaħ in-neċessità li jitnieda helpline li jaqdi dan id-dover u għalhekk sakemm tħarrġu nies speċifiċi dan is-servizz beda jsir b’kollaborazzjoni ma’ Richmond Foundation, anke minħabba li l-pandemija kienet qiegħda titlob assistenza massima mill-istaff mediku.

Madanakollu, Fearne kompla biex jgħid li  s-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna hija komprensiva u għalhekk waqt l-istess konferenza beda jaħdem is-servizz fuq il-linja 1579 li fuqha se jkun hemm tmien psikologi li kellhom taħriġ speċjali matul dawn l-aħħar xhur. 

Il-helpline mhuwiex biżżejjed, żied isostni Fearne u għalhekk qal li dan huwa biss ħolqa minn katina ta’ servizzi komprensivi ta’ dawk kollha li jiġu bżonn dawn is-servizzi. 

Bħalma sostna aktar qabel f’diskorsi fil-parlament Fearne qal li dan il-gvern qiegħed jassigura li s-servizzi tal-kura tas-saħħa mentali jkomplu jingħataw ’il barra mill-Isptar Monte Carmeli u li l-istigma tal-passat rigward il-pazjenti konċernati titneħħa.

Huwa fakkar dwar il-Crisis Resolution Team li minn ’il fuq minn 250 telefonata għall-assistenza kien hemm biss 16-il pazjent li kellhom jingħataw kura mill-Isptar, filwaqt li l-oħrajn ngħataw assistenza aktar kunfidenzjali, inkluż mill-kumdità ta’ darhom stess.

Il-Ministru tas-saħħa rrefera għal rapport maħruġ riċentament mill-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali rigward l-Isptar Monte Carmeli għaraf li kien hemm titjib sostanzjali fis-servizzi mogħtija mill-Isptar Monte Carmeli. Innota wkoll li bidla fis-servizzi titlob ċertu ammont ta’ żmien, iżda li fl-aħħar xhur, intweriet rieda għal titjib anke infrastrutturali u li fost xogħol ieħor sar ristrutturar f’aktar minn nofs is-swali. Dan juri li wara snin ta’ telqa f’din il-binja, bir-rieda politika ta’ dan il-gvern, is-servizzi tas-saħħa qed jingħataw l-attenzjoni li jixraqilhom.

Ekonomija

Sport