Erbat irġiel mixlija bis-serqa ta’ 132kg reżina tal-kannabis mill-Barracks tal-Armata f’Ħal Safi, ingħataw il-ħelsien mill-arrest. Din is-serqa kienet seħħet fil-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ Frar 2025.
L-akkużati huma Sean Attard ta’ 31 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Carlos Pace ta’ 23 sena mill-Marsa, Yousef Essesi ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar u Cleaven Pace ta’ 20 sena mill-Marsa.
Huma jinsabu mixlija b’serq ta’ raża tal-kannabis, b’assoċjazzjoni, traffikar u pussess tad-droga kif ukoll li rrendew ruħhom reċedivi u dan b’sentenzi tal-Qrati ta’ Malta li saru definittivi u li ma jistgħux jinbidlu.
Carlos Pace waħdu qed jiġi mixli li fil-25 ta’ Frar 2025 u fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel wettaq reat, li għalih hemm piena ta’ priġunerija, waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u matul il-perjodu ta’ liberazzjoni kondizzjonata mogħtija fil-konfront tiegħu.
L-erba’ imputati qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom. Żewġ persuni oħra – Liam Stewart u Christa Gauci – kienu wkoll tressqu b’rabta ma’ dan il-każ u kienu ngħataw il-ħelsien mill-arrest f’April u Mejju rispettivament.
Fil-każ kontra l-erbat irġiel, il-Qorti nnotat iż-żmien li dawn kien ilhom miżmuma taħt arrest preventiv filwaqt li qalet li n-natura serja tal-akkużi waħedha ma kinitx raġuni biżżejjed biex dawn jibqgħu mċaħħda mil-libertà proviżorja.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo tathom il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €40,000. Huma kienu ordnati jiffirmaw l-għassa kuljum.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukati Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Mark Anthony Mercieca, Alfredo Mangion u Jeffrey Scicluna Briffa.
L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Charles Mercieca u Adreana Zammit qed jidhru għall-aħwa Pace. L-Avukati Franco Debono u Matthew Xuereb qed jidhru għal Sean Attard filwaqt li l-Avukati Amadeus Cachia u Mario Mifsud qed jassistu lil Yousef Essesi.