Mara ta’ 31 sena residenti Wied il-Għajn ingħatat il-ħelsien mill-arrest, wara li tressqet il-Qorti mixlija li rrikattat raġel miżżewweġ li ried iwaqqaf ir-relazzjoni li bdiet bejniethom.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit qalet li r-relazzjoni bejn l-imputata u r-raġel, li isimhom ma’ jistax jixxandar fuq ordni tal-Maġistrat, bdiet permezz ta’ messaġġi fuq Whatsapp
Ingħad li darba r-raġel qalilha li jixtieq itemm ir-relazzjoni tagħhom u li meta qalilha dan, hi allegatament bagħtitlu messaġġ fejn talbitu xi flus u hedditu li jekk ma jagħtihix il-flus tibgħat l-iscreenshots tal-messaġġi lil martu.
Fl-awla l-akkużata dehret viżibilment dispjaċuta u wara li ammettiet il-prosekuzzjoni ssuġġeriet sentenza ta’ sena ħabs sospiża, bid-Difiża ma tagħmel ebda oġġezzjoni.
Il-Maġistrat Abigail Critien laqgħet it-talba u sakemm tagħti s-sentenza fl-aħħar ta’ Jannar li ġej tat lill-mara l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija personali ta’ €3,000 waqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni biex tipproteġi lill-vittma u familtu.