Dairon Cishahayo, ta’ 35 sena, residenti Birkirkara tressaq il-Qorti wara li Qorti Ġermaniża ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tiegħu b’rabta ma’ akkużi relatati ma’ serq ta’ vettura, frodi ta’ dokumenti u importazzjoni ta’ kannabis.
Meta ġie mistoqsi mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia jekk hux se jagħti l-kunsens tiegħu biex imur lura l-Ġermanja, Cishahayo wieġeb li għalissa mhux se jagħtih tal-inqas f’dan l-istadju.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-istess talba sabet oppożizzjoni kbira mill-Prosekuzzjoni fuq l-argument li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri, minħabba n-natura tar-reati u minħabba li l-proċeduri ta’ estradizzjoni għandhom skadenzi speċifiċi li fihom il-każ irid jiġi deċiż.
Id-difiża argumentat li l-imputat hu Malti, b’passaport Malti, b’xogħol stabbli u b’paga tajba. Qalet li m’hemmx biża’ ta’ intralċ ta’ provi u lanqas ta’ ħarba, għax il-qrati Maltin mhux se jidħlu fil-mertu tal-każ.
Qalet ukoll li l-imputat diġà serva l-piena tiegħu u wara li ħallas il-multa f’Marzu 2025, l-awtoritajiet Ġermaniżi qatt ma reġgħu kkuntattjawh.
Id-difiża qalet ukoll li l-imputat allegatament instab bi gramma kannabis, liema ammont f’Malta lanqas hu kriminalizzat. Qalet ukoll li kieku l-awtoritajiet Ġermaniżi ppruvaw ikellmu lill-imputat, hu kien imur il-Ġermanja mingħajr il-ħtieġa li jinħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jidher għal kull seduta fil-Qorti, li jiddepożita l-passaport u d-dokumenti tas-safar, li ma jippruvax jinħeba, li ma jkellimx ix-xhieda tal-prosekuzzjoni, li ma jikkommetti ebda reat ieħor, li jirrapporta l-għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara kujum, u li jirtira d-dar bejn l-10.00p.m. u s-7.00 a.m.
Ġie ordnat wkoll iħallas garanzija personali ta’ €30,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Spiteri flimkien mal-Avukat Maria Zerafa Le-Gros mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt li d-difiża tmexxiet mill-Avukat Matthew Xuereb.

