Sunday, December 29, 2024

Ħelsien mill-arrest għal raġel li nqabad bl-eroina u l-kokaina

Aqra wkoll

Raġel ta’ 31 sena residenti Ħal Qormi dalgħodu ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti fejn kien akkużat li fil-pussess tiegħu kellu droga eroina u anke kokaina. Hu kien arrestat waqt rejd li sar mill-pulizija.

Filwaqt li wieġeb mhux ħati, id-difiża mill-ewwel talbet għall-ħelsien mill-arrest kif ukoll saret talba biex jiġi stabbilit jekk ir-raġel għandux bżonn għajnuna jew le.

L-avukat Richard Sladden li deher għar-raġel qal li hu jemmen li l-klijent tiegħu għandu jiġi segwit minn professjonisti l-aktar biex jegħleb il-vizzju tal-kokaina. Talab ukoll li jekk it-talba għall-ħelsien mill-arrest tiġi aċċettata għandu għandu jkun fuq depożitu minimu minħabba li l-paga tiegħu hija miżerja.

Min-naħa tal-Prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca, Marshal Mallia u Jonathan Pace qal li l-akkużat ta stqarrija lill-Pulizija u anke ta informazzjoni dwar terzi biex ikunu jistgħu jkomplu jinvestigaw.

Huma ma sabu l-ebda oġġezzjoni għall-ħelsien mill-arrest sakemm il-Qorti imponi kundizzjonijiet fuq l-akkużat biex dan jegħleb il-vizzju tad-droga.

Wara li sema’ ż-żewġ naħat, il-Maġistrat Noel Bartolo ta l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000. L-akkużat innifsu aċċetta li jingħata trattament għal vizzju tad-droga anke waqt li jkunu għaddejjin il-proċeduri fil-Qorti.

Ekonomija

Sport