Il-Qorti Kriminali laqgħat it-talba għal ħelsien milll-arrest ta’ raġel li x-xahar li għadda kien mixli fuq diversi serqiet minn kappelli.
Philip Agius ta’ 38 sena li jaħdem fil-kostruzzjoni, kien tressaq il-Qorti mixli b’serq u attentat ta’ serq minn żewġ kappelli f’Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi, fejn kienu nsterqu kalċi flimkien ma’ xi flus kontanti.
Agius kien arrestat f’operazzjoni konġunta li kienet tinvolvi t-Taqsima tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija mill-Għassa ta’ Ħal Qormi.
Meta kien tressaq fil-Qorti, ħareġ li Agius kien irritorna l-oġġetti misruqa wara li ddispjaċieh ta’ dak li kien għamel.
Intqal ukoll li r-raġel, li għandu problema tad-droga, ma kienx irritorna l-flus li allegatament seraq hekk kif kien nefaqhom għad-droga.
F’digriet mogħti l-Ħamis, l-Imħallef Aaron Bugeja laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Agius taħt depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €8,000. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ superviżjoni minħabba l-problema ta’ droga li għandu l-imputat.