Sandro Piscopo ta’ 52 sena residenti l-Furjana ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li ġebb għal raġel b’sieq ta’ mejda. L-imputat wettaq dan ir-reat allegatament wara li l-allegat vittma mar għalih b’sikkina.
Quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, Piscopo ġie mixli li weġġa’ raġel b’mod gravi, li ħebb għalih u li heddu. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-każ seħħ fit-28 ta’ Diċembru, fi stabbiliment il-Furjana.
L-Avukat Franco Debono li mexxa d-difża qal li l-imputat iddefenda lilu nnifsu mill-allegat vittma. Il-prosekuzzjoni spjegat li l-allegat vittma mar għall-akkużat b’sikkina wara li nqala’ argument bil-kliem u l-akkużat tah xebgħa sieq ta’ mejda. Id-difiża qalet li kien għalhekk li l-akkużat iddefenda lilu nnifsu b’sieq ta’ mejda.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-imputat u l-allegat vittma jgħixu ħdejn xulxin. Id-difiża qalet li l-familja tal-akkużat offriet li tilqgħu għandu
Il-Qorti, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €8,000.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elicia Scicluna flimkien mal-avukat Krista Spiteru Lucas mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u għall-akkużat deher l-avukat Franco Debono.


