Jake Dalli Balzan ta’ 21 sena residenti l-Fgura ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba. Hu jinsab akkużat li kien kompliċi f’bullying fuq tfajla ta’ 15-ils ena.
Il-Prosekuzzjoni qalet li jumejn ilu ġiet arrestata t-tfajla u tressqet quddiem il-Qorti tal-Minuri fejn ġie akkużata b’rapport falż fil-konfront ta’ Dalli Balzan u żewġ żagħżagħ oħra.
Hekk kif seħħew dawn l-iżviluppi fil-każ, l-avukat David Bonello li qiegħed jidher għal akkużat talab lill-Maġistrat Kevan Azzopardi biex it-talba għall-ħelsien mill-arresti tiġi trattata b’mod urġenti. Fuq konferma tal-ispettur, l-avukat qal li l-allegata vittma tressqet quddiem il-Qorti tal-Minuri, mixlija b’rapport falz fil-konfront ta’ Jake Dalli Balzan u żewġ żgħażagħ minuri oħra.
Il-Pulizija qalu li mhux qegħdin joġġezzjonaw għat-talba tar-rilaxx temporanju taż-żgħażugħ mill-arrest. L-avukat difensur qal li l-akkużat se jkun qieged jgħix mal-ġenituri u anke lesti li jagħtu garanzija għalih.
Wara li semgħet il-partijiet il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’diveri kundizzjonijiet fosthom li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa l-għassa, jiddepożita is-somma ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €18,000. Il-Maġistrat Azzopardi ordna liż-żagħżugħ ma jkellimx liż-żgħażagħ l-oħra nvoluti fil-kawża.
Waqt is-smiegħ xehed Surġent mill-Għassa ta’ Birżebbugia fejn qal li missier it-tfajla kien għamel rapport l-għassa taż-Żurrieq li bintu kienet qed tiġi mhedda l-iskola. Allega wkoll li t-theddid kien qiegħed isir ukoll fuq il-midja soċjali u anke kienet qed tintalab biex tagħti mijiet ta’ ewro lit-tfajla ta’ Dalli Balżan.
Meta t-tfajla ġiet mitkellma mill-Pulizija allegat li hija kienet qed tiġi mhedda b’mus l-iskola. Meta imbgħad seħħet l-allegat aggressjoni fl-Imqabba, il-Pulizija reġgħu tkellmu mat-tfajla fejn din iddentifikat lil Dalli Balzan, guvni minorenni li nstema jgħid “il-kbir għadu ġej” u żewġ tfajliet oħra waħda ta’ 13 u l-oħra ta’ 15 il-sena.
Meta l-istess Surġent tkellem mal-ġenituri tagħha u staqsa dwar it-trobbija li kellha, il-missier għażel li ma jweġibx għall-mistoqsijiet wara li dan kkonsulta mal-avukat tiegħu filwaqt li l-attentati biex isir kuntatt mal-omm ma rnexxewx.
Kien għalhekk li l-pulizija fetħet proċeduri kontra l-allegat vittma fejn ġiet akkużata b’rapport falz. Hi ttieħdet il-lock-up u kkonfermat li għamlet xi kontijiet foloz fuq il-midja soċjali għaliex kienet qed tibża’ mit-theddid mit-tifla li kienet theddidha u anke aggredietha. Il-vittma qalet li din it-tifla hedditha li se ġġiegħlha tpejjep il-kannabis u wara tirrapportaha. Dakinhar tal-arrest, missier it-tfajla qal ukoll li ilha ma tmur skola minn Novembru.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Wayne Bonello. Għal Jake Dalli Balzan qed jidher l-Avukat David Bonello filwaqt li għall-allegata vittma qed jidher l-Avukat Jason Azzopardi.