Dalwaqt ħamsin sena. Proprju tlett snin oħra, inkunu qegħdin infakkru l-ħamsin sena ta’ Malta Ħielsa. Jum li fih pajjiżna ma baqax bażi militari. Hu l-jum li fih rajna it-tmiem tal-bażi militari, biex pajjiżna ma jibqax jintuża bħala fortizza militari f’nofs il-Mediterran. Dak kien l-ħelsien li Malta tant kellha bżonn.
Imma l-ħelsien ta’ pajjiżna ma kienx ifisser hekk biss. Il-ħelsien ma jiqafx biss mal-bażi militari. Kien ifisser ukoll li pajjiżna jiżviluppa u jimxi ‘lquddiem b’rajh f’idejh f’kull qasam. Kien fisser fuq kollox li pajjiżna jinfatam mill-mentalità kolonjali. U llum tajjeb li nħarsu u nanalizzaw is-soċjetà tagħna u lil fejn ninsabu mexjin. Illum verament m’għandniex bażijiet militari imma kemm aħna verament ħielsa mill-mentalità kolonjali? Qegħdin ngħidu dan għax hu fatt li popli li xi darba kienu kolonja, anki wara li ma jibqgħux kolonja, xorta waħda jibqgħu jaħsbu bil-mentalità kolonjali. Jibqgħu iqisu li x’jgħid ħaddieħor hu l-primat tar-raġuni u dak li jaħsbu huma hu inferjuri. Jibqgħu xorta servili u miġbuda lejn aspetti marbutin mal-kolonjaliżmu. Fis-soċjetà tagħna issib kemm trid eżempji li jikkonfermaw dan. Dan jurik li fis-subkonxju ikun għad hemm preżenti l-element negattiv li jxekkel lill-poplu milli jagħraf li hu għandu moħħ biex jirraġuna, biex jikkontribwixxi. Kontinwament f’pajjiżna naraw min jeżalta il-fehma u l-ħidma tal-barrani, waqt li jċekken u jumilja l-fehma tan-nies tiegħu stess. Hu ċar li l-bażijiet militari ilhom li telqu, imma l-mentalità kolonjali baqgħet hemm. U l-mistoqsija li trid issir illum hi kemm qegħdin naraw li din il-mentalità kolonali nitrattawha biex noħorġu minnha? Bl-influwenzi minn barra u bil-midja soċjali, din il-mentalità llum qiegħda tkompli tissaħħaħ? Għaddej proċess ta’ dekolonizazzjoni mentali f’pajjiżna? Dawn huma domandi li rridu nirriflettu dwarhom.
Aktar minn ġamsin sena ilu pajjiżna kien imxekkel mill-bażijiet militari. Illum imma ix-xkiel hu differenti. Hu fatt li s-soċjetà tagħna inbidlet. Tniġġset ukoll minn dak li seħħ f’pajjiżi oħra fl-aħħar snin. Daħlet l-indifferenza. Daħal sew l-eġoiżmu. Daħlet l-esklussività li llum sırna narawha kullimkien. Għebet is-solidarjetà minn fostna. Daħlet il-‘kultura li tarmi’. Illum is-soċjetà hi vittma tal-globalizzazzjoni ta’ indifferenza. Soċjetà mifnija minn preġudizzji lejn ħaddiema barranin, lejn min hu differenti minnha f’razza, reliġjon jew orjentazzjoni sesswali.
Nemmnu li llum pajjiżna għandu bżonn ħelsien ieħor. Ħelsien mill-preġudizzji li jeżistu fostna. Preġudizzji lejn persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Preġudizzji kontra l-barranin. Preġudizzji lejn min hu ta’ ġilda differenti minn tagħna, preġudizzji kontra min hu ta’ razza differenti minn tagħna jew ta’ reliġjon. Fuq kollox irridu ħelsien mill-estremiżmu li qed narawh jikber fostna. Estremiżmu li forsi ġieli ninjorawh imma qiegħed magħna. Estremiżmu li ma jagħmel xejn ħlief li jirkeb fuq it-traġedji tal-vulnerabbli biex ibeżża’ sezzjonijiet tal-poplu.
Nemmnu li llum hemm bżonn li jkun hawn ħelsien mill-indifferenza għal dak li ma jirrigwardax lilna direttament. Kemm se ndumu ngħidu li “u iva dak mhux hawn ġara, mhux fl-Afrika dak”.
Nemmnu li r-razziżmu u l-antipatija li xi wħud minna għandhom lejn dawk li ma humiex Maltin llum m’hemmx postha. Hi ħasra li qegħdin naraw il-preġudizzji u l-isterjotipi jiżdiedu. Kif qegħdin jiżdiedu kull xorta ta’ kummenti ta’ mibegħda lejn dawk li huma differenti minna. F’pajjiż modern u miftuħ għad-dinja, ma hemmx lok għar-razziżmu. L-iskambju kulturali li bbenefikat minnu Malta mad-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea saħħaħna u kabbarna bħala poplu.
Illum diversi minn ħutna l-Maltin jgħixu u jaħdmu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Oħrajn rritornaw lura, mibdulin mill-esperjenza tagħhom f’pajjiż ieħor. Bl-istess mod, uħud minn ħutna l-Ewropej jgħixu fostna, jaħdmu magħna u jaqsmu ħajjithom magħna l-Maltin. Ma’ dawn imbagħad irridu nżidu dawk il-persuni minn pajjiżi terzi li għandhom permess li jistudjaw jew jaħdmu hawn Malta, u dawk il-persuni l-oħra li għandhom status ta’ refuġjati jew jibbenefikaw minn protezzjoni umanitarja.
Dan il-proċess ta’ migrazzjoni minn u lejn Malta ma bediex ilbieraħ. Bħala poplu ilna nemigraw lejn pajjiżi oħra u kważi kulħadd għandu qraba jgħixu l-Awstralja, l-Kanada, l-Istati Uniti jew xi pajjiż ieħor. Bħala Maltin, inkunu kuntenti għall-Maltin l-oħra li sabu posthom fis-soċjetà li marru jgħixu fiha u bir-raġun ninkorlaw jekk dawn il-Maltin kellhom ibatu minn xi diskriminazzjoni jew esklużjoni għall-ebda raġuni ħlief li huma Maltin jew agħar minħabba l-fattizzi tagħhom.
Nemmnu li dan l-istess proċess ta’ integrazzjoni importanti li jseħħ f’Malta issa li pajjiżna żviluppa tant kemm ekonomikament u kemm soċjalment, li sirna pajjiż ta’ immigrazzjoni minflok pajjiż ta’ emigrazzjoni. Integrazzjoni li taħdem tajjeb issawwar fl-immigranti sens ta’ appartenenza u r-rieda li jiffurmaw parti mis-soċjetà, u li jikkontribwixxu direttament għall-progress tagħha. L-integrazzjoni twassal ukoll għal aktar fehma bejn il-persuni differenti sal-punt li d-differenzi oriġinali isiru sekondarji u banali.
Nemmnu li pajjiżna irid jagħmel ferm aktar fuq l-integrazzjoni. Donnu nibżgħu nitkellmu fuqha. Dan ukoll hu ħelsien li rridu li jseħħ.
Illum f’pajjiżna għandna bżonn ħelsien mill-inkonsistenza li teżisti fostna. Ħafna minnha ma jiddejqux imorru f’kafeteriji, ristorant jew xi ħanut ieħor u jitkellmu bil-lingwa Ingliża għax min ikun iservihom trid tkellmu bl-Ingliż. Insibuha komda li fid-dar tal-ġenituri tagħna indaħħlu ħaddiema baranın biex jieħdu ħsieb il-ġenituri. Insibuha komda nordnaw l-ikel u jinġabilna wara l-bieb anki waqt il-maltempati, u ovvjament dawk li jġibuhulna jkunu barranin. Insibuha komda li l-iskart minn wara biebna jinġabar minn dawn il-ħaddiema.
Imma waqt li komdi b’dawn, allaħares jiġu joqogħdu ħdejna xi barranin. Hemmhekk tkun qisha waqgħet id-dinja. Tibda tisma’ kull tip ta’ aġġettivi u biżgħat. X’ma jgħidux? Li se jaqa’ l-prezz tal-proprjetà. Li se jiżdied is-serq. Il-kruha tal-preġudizzji. Jekk xi barranin japplikaw biex jagħmlu post tat-talb, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. Tara kull tip ta’ oġġezzjonijiet. Li l-Filippini jiċċelebraw il-Milied tagħhom fit-triq, li l-Etjopjani jagħmlu purċissjoni fil-Milied tagħhom. Li l-Indjani jiċċelebraw il-kultura tagħhom. Dawn għal ħafna minna idejquna u huma meqjusa li jtuna fastidju. U anki jekk ilhom 20 jew 30 sena fostna jaħdmu u jikkontribwixxu, għal ħafna minnha dawn jibqgħu barranin. Inkonsistenza li rridu neħilsu minnha.
Irridu ukoll ħelsien mill-indifferenza lejn ir-razziżmu. Irridu niġġieldu kull forma ta’ razziżmu u naħdmu sabiex tiżdied il-kuxjenza kontra din id-diskriminazzjoni. Irridu b’mod individwali u kollettiv nindirizzaw ir-razziżmu bħala inaċċettabbli f’kull kuntest fejn niltaqgħu miegħu. Irridu nżommu f’moħħna li meta nisseparaw b’mod riġidu bejn min jaqa’ fid-definizzjoni ta’ Malti u dik ta’ barrani inkunu qed nagħmlu ħsara lil diversi minn ħutna l-Maltin stess u l-familji tagħhom. Miż-żwiġijiet li jseħħu f’Malta li jirrigwardaw tal-anqas persuna waħda ta’ nazzjonalità Maltija, madwar ħmistax fil-mija minnhom huma ma persuni mhux Maltin.
F’Malta li wriet tant volontà sabiex tinbidel u tħaddan magħha miżuri kontra d-diskriminazzjoni; ċertament nistgħu inkomplu navvanzaw sabiex noffru futur diċenti lil kull wieħed u waħda minna, fejn kull persuna tkun taf li l-kontribut tagħha fis-soċjetà Maltija apprezzat, irrispettivament minn min hi, xi twemmin tħaddan jew kwalunkwe karatteristika oħra. Malta miftuħa għad-dinja u li ma tibżax mill-progress.

