Hekk kif il-ġurnata tal-lum kienet kollha ddominata bil-qtil ta’ Bernice Cassar, li nqatlet mas-sebħ tal-jum, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook sostna li telfa ta’ persuna b’dan il-mod teħtieġ reazzjoni u huwa għalhekk li hemm bżonn li jiġu stabbiliti l-fatti f’inkjesta.
Il-Ministru sostna li hu nformat li l-kawża li hemm “intsemgħet b’urġenza f’Lulju li għadda u l-Qorti ħarġet Ordni ta’ Protezzjoni favur il-vittma.”
Hu qal li “waqt telefonata li kelli kmieni llum mal-Ministru tal-Intern, hekk kif bħalissa ninsab imsiefer fuq xogħol Ministerjali, qbilna li għandha tinfetaħ din l-inkjesta b’mod urġenti.”
Il-Ministru Attard wera d-dieqa u d-dispjaċir kbir ta’ dak li ġara filwaqt li sostna li ħsibijietu huma mal-familja tal-vittma.
Intant minn informazzjoni li għandu dan is-sit, jidher li l-allegat aggressur għadu maqful f’daru, u l-pulizija għandhom għaddejjin bin-negozjati miegħu bit-tama li jċedi u joħroġ mid-dar mingħajr ħadd ma jweġġa.
Hekk kif ikollna aktar informazzjoni dan is-sit jgħaddi mill-ewwel.