Sunday, December 22, 2024

Hemm bżonn li l-banek juru aktar rispett lejn il-klijenti

Aqra wkoll

Fil-liġi Maltija, nemmnu fil-prinċipju li bniedem huwa innoċenti sakemm jinstab ħati. Il-banek f’Malta qed jaħdmu bil-kontra.

Aktar kemm niltaqa’ ma’ ċittadini u sidien ta’ negozji fil-perkors tiegħi bħala kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, aktar qed toħroġ ċara li waħda mill-frustrazzjonijiet tan-nies hija meta l-banek iqisu lill-klijenti tagħhom daqs li kieku kriminali.

Din mhix ġejja mix-xejn, imma mill-fatt li l-għassiesa regolatorji qegħdin jinfurzaw regolamenti stretti kontra l-ħasil ta’ flus. Filwaqt li fil-priniċipju din hija xi ħaġa tajba, l-ironija hi li qed jispiċċa jħallas il-prezz il-klijent li bilkemm jaf x’inhu ħasil ta’ flus, aħseb u ara kemm se jwettqu.

Il-greylisting ta’ pajjiżna rriżulta fi ħsara kbira għar-reputazzjoni tas-sistema finanzjarja tagħna. Kien hemm min saħansitra xtaq li pajjiżna jkun greylisted. Minn dak iż-żmien ’l hawn, pajjiżna ħareġ mil-lista l-griża tal-FATF, iżda ċ-ċittadini li jirrispettaw il-liġi, l-NGOs f’pajjiżna, u n-negozji tagħna, għadhom qed isibu l-bsaten fir-roti meta jiġu biex jaċċessaw is-servizzi finanzjarji.

Sena wara sena, il-banek qed jiddikjaraw profitti rekord, imma s-servizz dejjem sejjer lura. Għaliex? Ejja nissopponu li hemm raġunijiet validi għaliex il-banek qed jużaw ħafna minn ħinhom f’eżerċizzji burokratiċi twal. Nistenna mqar li jsir investiment minn naħa tal-istess banek f’teknoloġiji moderni u diġitali li jagħmlu ħajjet il-klijent aktar faċli.

Fejn jidħlu klijenti aktar anzjani jew dawk b’inqas aċċess għat-teknoloġija, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni xierqa bejn il-bankiera u l-klijenti tagħhom jagħti lok għal tilwim bla bżonn li xi kultant jista’ jiġi evitat permezz ta’ linja ta’ komunikazzjoni sempliċi u adekwata.

Pero’ nemmen li hemm aspetti fejn hemm bżonn mhux biss ta’ komunikazzjoni, imma ta’ bidla radikali fis-servizz li l-banek jagħtu lill-klijenti. Irrid nagħmel enfasi fuq il-kelma ‘klijenti’, għax huma ċ-ċittadini u n-negozji li jingħataw servizz mill-banek, u mhux bil-kontra.

Kulħadd jistinka biex idawwar lira. Ma narax għalfejn għandu jsib min ixekklu fl-investiment ta’ frott ħidmietu jew iġiegħlu jħossu inkompetenti.

Kull ma jmur qed niltaqa’ ma’ aktar negozji li qed jitħallew imdendlin għal xhur sħaħ meta japplikaw biex jiftħu kont bankarju lokali, b’uħud jiġu rrifjutati għal kollox. Kważi kważi l-banek stess qed jinkoraġixxuhom isibu mezzi alternattivi kif jiġġestixxu flushom, li ma jagħmel ebda ġid għall-ekonomija tagħna. Qed jaqtgħu qalb l-istartups, u qed inaffru lil min jitħajjar jiġi jopera n-negozju tiegħu f’Malta u Għawdex.

Ir-realtà hi li minkejja li l-banek introduċew tariffi ġodda darba wara l-oħra, l-operaturi tan-negozju jħossu li l-kwalità tas-servizz tal-konsumatur marret għall-agħar. Wara li issa ilhom snin iħossu r-riperkussjonijiet tal-pandemija u tal-gwerra fl-Ukrajna, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-banek lokali hija iċ-ċirasa fuq il-kejk.

Inħobb inqabbel dan is-suġġett ma’ li kieku l-bank kien stabbiliment tal-ikel. Iħallik tistenna siegħa barra biex idaħħlek, anka jekk hemm mejda disponibbli ġewwa. Iħallik tistenna biex jieħu l-ordni għax għażel li jkollu inqas staff milli verament għandu bżonn. Mhux żgur li ser iġiblek dak li ordnajt. Iżommlok ferm ogħla milli kont qed tistenna, u s-servizz u l-prodott li jtik ma jirriflettix il-prezz għoli Ii ħallast. U biex tgħaxxaq, iġiegħlek tħossok daqs li qisu qed jagħmillek xi pjaċir. Żgur li ma terġax tixref lejn dak l-istabiliment.

Mhux aċċettabli aktar li jintalbu mijiet kbar għat-tiġdid ta’ ittri ta’ sanzjoni, jew li n-nies jitilfu persentaġġ qawwi mid-depożiti meta jiddepożitaw flus kontanti jew ċekkijiet f’ammonti kbar. Mhux aċċettabbli li tmur il-bank għal proċess sempliċi bħal aġġornament ta’ ittra ta’ sanzjoni waqt każ ta’ separazzjoni u l-proċess jitwal tant li l-koppja ma tkunx tista’ tkompli b’ħajjitha. Jew li ċittadini jkunu penalizzati għax jidħlu fi ftehim ta’ donazzjoni jew għax iridu jgħaddu l-flus lil uliedhom.

Bħala kandidata li qed inwiegħed li se nkun leħinkom fl-Ewropa, ngħid ċar u tond: skrutinju kontra l-illegalitajiet iva, imma l-assunzjoni li kulħadd huwa kriminal, le.

Determinata li nibqa’ nitkellem dwar dan is-suġġett kemm hemm bżonn u fejn hemm bżonn.

Ekonomija

Sport