Waqt li kien qiegħed jindirizza is-Seba’ Forum Reġjonali tal-Unjoni tal-Mediterran u r-Raba’ Laqgħa Ministerjali tal-pajjiżi tan-naħa t’isfel tal-Mediterran f’Barċellona l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg sostna li “huwa essenzjali li nibqgħu nkunu magħqudin ilkoll flimkien bħala pajjiżi tal-Mediterran sabiex inkunu nistgħu naffaċċjaw l-isfidi li għandna fir-reġjun. Ma nistgħux naħdmu f’iżolament biex insolvu problemi li huma kollettivi.”
Malta kienet, għadha u se tibqa’ tappoġġa kull sforz li qed isir mill-Unjoni tal-Mediterran sabiex kulħadd jikkontribwixxi u jassisti għal soluzzjonijiet f’dan iż-żmien diffiċli li r-reġjun għaddej minnu. Il-Ministru Borg tenna kif Malta se tkun qed tibqa’ timbotta ’l quddiem il-bżonn ta’ aktar djalogu sabiex tirrenja l-paċi u l-istabbiltà.
Il-Ministru Borg tkellem fost oħrajn dwar l-importanza tas-sigurtà tal-ikel u l-impatt fuq iż-żieda fil-prezzijiet fir-reġjun tagħna. Huwa qal li dan il-fenomenu ma jistax ikun injorat u hemm bżonn li l-pajjiżi kollha jaħsbu f’soluzzjonijiet tanġibbli biex din il-kriżi tkun indirizzata. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tkellem dwar kif Malta qed taħdem sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu l-inqas impatt b’dawn iż-żidiet, b’mod partikolari fejn jidħol is-settur tal-enerġija.
Waqt l-interventi tiegħu, Ian Borg tkellem ukoll dwar is-setturi tat-tibdil fil-klima, iż-żgħażagħ u n-nisa u l-bżonn ta’ aktar konnettività bejn il-pajjiżi tal-Mediterran.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ kellu wkoll laqgħat bilaterali mas-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Nasser Kamel u l-Ministri għall
Affarijiet Barranin tal-Libja Najla El Mangoush, tal-Libanu Abdallah Bou Habib u tal-Marokk Nasser Bourita.