L-MUMN fi stqarrija maħruġa aktar kmieni qalet li l-problema għall-għajbien ta’ anzjan mir-residenza ta’ San Vinċez hija riżultat ta’ nuqqas ta’ infermiera fis-settur tas-saħħa. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fi tweġiba lill-ġurnalisti b’reazzjoni għal din l-istqarrija qal li fl-aħħar snin ġew impjegati ferm iżjed infermieri minn dawk li rtiraw, iżda kkonferma l-impenn tal-gvern li jsaħħaħ dan is-settur.
Fearne qal li l-gvern impenjat li dawk kollha li jgħaddu mill-eżamijiet jiġu mitkellma biex jibdew jaħdmu fil-professjonijiet rispettivi tagħhom sa minn ġranet biss wara.
Id-Deputat Prim Ministru qal li fl-aħħar ħames snin kien hemm madwar 430 infremier li spiċċaw qabel l-età tal-irtirar filwaqt li ġew impjegati madwar 900 infermier ġdid.
“Mhux Malta biss, imma mad-dinja kollha tinħass nuqqas ta’ nursing… Għamilna talba lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa biex tagħmel studju anke ta’ fatturi għalfejn aktar żgħażagħ mhux jidħlu għal din il-professjoni biex din il-problema tkun tista’ tiġi indirizzata”, spjega Fearne.