Friday, December 20, 2024

“Hemm bżonn ta’ ħafna sagrifiċċju sabiex tilħaq fejn tixtieq”

– Charles Buttigieg – Baritonu Internazzjonali

Aqra wkoll

Charles Buttigieg hu baritonu ta’ 23 sena minn Għawdex li f’dawn l-aħħar snin sar famuż għall-vuċi unika tiegħu.

Hu kellu wirjiet ma’ diversi tenuri ta’ fama mondjali inkluż dak lokali Joseph Calleja iżda wkoll Diana Damrau, Renee Fleming u Dolores Zajick.

Beda l-imħabba tiegħu tal-mużika ta’ eta’ żgħira ħafna u kien parti mill-kor Chorus Urbanus taħt id-direzzjoni ta’ Maestro John Galea.

Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Buttigieg li b’korteżija kbira aċċetta li nagħmlulu intervista.

L-ewwel mistoqsija kienet waħda spontanja. Kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn l-opri u l-mużika?
“Kont żgħir ħafna u niftakar li darba meta kelli 12-il sena u kont nattendi l-laqgħa tal-adoloxxenti ta’ Għajnsielem wara li lestejt mill-Griżma, kien innutajni Dun Frankie Bajada li kif semagħni nkanta waqt l-innijiet tal-quddies, qalli li jien kelli vuċi partikolari u li għandi nieħu ħsiebha.”

“Hekk ġara u fil-fatt bdejt nieħu sehem fil-kor Chorus Urbanus fejn hemmhekk konna nkantaw ħafna mużika biblika.”

Kien ukoll abbati u għalhekk kien jixgħaxxaq meta kien ikun hemm xi quddiesa kantata f’xi okkażjoni bħall-Irxoxt, il-festa tar-raħal u anke l-innijiet sbieħ tal-Milied.

Buttigieg bħala tfajjel ċkejken, kien ukoll jieħu pjaċir jisma’ għadd ta’ mużika tal-opri bħal Jose Carreras u Placido Domingo.

Sadanittant kellu ċ-ċans ukoll li jieħu sehem f’rappreżentazzjoni mużikali fit-Teatru Astra fir-Rabat Għawdex fejn kien għad kellu biss 11-il sena. Ħafna qalulu li din kienet vuċi rari li diffiċli ssibha, xi ħaġa li Buttigieg kien ferm kuntent biha.

“Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar bdejt inkanta f’diversi postijiet u niftakar b’mod partikolari meta kantajt mal-Orkestra Nazzjonali fil-Bażilika u iktar minn hekk meta mort fi Sqallija u ħadt sehem bħala karattru ta’ Marcello fl-opra drammatika La Boheme. Il-vuċi tiegħi waslet saħansitra sal-Istati Uniti u bdejt verament nemmen li kelli xi ħaġa speċjali.”

Charles Buttigieg beda jieħu l-istudju tal-vuċi bis-serjeta’ tant li mar fl-Istati Uniti f’Curtis Institute of Music u Philadelphia, fejn kompla jispeċjalizza dejjem aktar.

“Ta’ 17-il sena tlajt waħdi u rnexxieli niġi aċċettat minn 25,000 ruħ li applikaw. Kont l-uniku Malti u sa ċertu punt Għawdxi li wasalt għal dan kollu.”

Hu kellu ħafna rappreżentazzjonijiet barra minn Malta fosthom fl-2019 f’Kimmel Centre f’Philadelphia fejn kellu r-rwol ta’ Figaro fil-Barbiere di Siviglia. Sena wara ħa sehem ukoll bħala Masetto f’Don Giovanni ta’ Mozart. 

Hu kanta wkoll fit-Teatru Manoel waqt il-kunċert tal-Milied u anke fi New York mas-soprano Renee Fleming u l-mezzo soprano Dolora Zajick.

F’intervista li kien ta riċentement, it-tenur Joseph Calleja kellu kliem ta’ tifħir għal Buttigieg li sejjaħlu bħala bniedem dedikat u paċenzjuż li beda vjaġġ fid-dinja tal-opri li wasslu pass pass għas-suċċess minkejja l-eta’ żagħżugħa tiegħu. Jgħid li hu għandu talent uniku li jista’ jkompli jifjorixxi bil-perseveranza li għandu.

Ovvjament f’Għawdex, gżira twelidu, ma naqasx milli jagħti l-wirjiet tipiċi tiegħu fosthom fil-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem u anke l-kunċert mużikali fl-istess raħal.

Finalment fl-2021, waqt l-attivita’ li saret f’Għajnsielem stess bl-isem ta’ Notte Nostalgia e Gioiosa hu kien id-direttur artistiku flimkien ma’ Maestro Dr John Galea u anke bħala dak li jagħti l-wirja b’mod prinċipali. 

Fil-fatt Buttigieg hu verament kburi bl-għeruq Għawdxin tiegħu tant li jsemmi ma’ kulħadd lil din il-gżira ġara ta’ Malta. Il-vuċi tiegħu ġiet ikkumparata mal-baritonu leġġendarju Dmitri Hvorostovsky, Russu li ħalla din id-dinja sitt snin ilu iżda li l-mużika operistika tiegħu baqgħet ferm popolari mas-segwaċi ta’ din il-ġeneru ta’ mużika.

Saqsejna lil Charles Buttigieg dwar id-differenza li hemm bejn tenur u baritonu.

“Ħafna jaħsbu li tenur u baritonu huma l-istess iżda nixtieq ngħidilkom li dan mhux il-każ. Meta tkun baritonu, din hi l-vuċi prinċipali tar-raġel. Bħala natura tar-raġel meta qed nitkellmu għall-vuċi, ma tantx issib bħalha. Irrid ngħid li ma tantx issib baritoni fid-dinja tal-mużika li jkollhom dik il-vuċi daqshekk ideali. Jien b’xorti tajba wieħed minnhom.”

“Jien bniedem li nkanta bejn il-liriku u d-drammatiku bil-baritonu li prattikament hu l-istilla tal-opra.”

“Meta tkun tenur, il-vuċi xxaqleb lejn dik femminili għax it-ton hu differenti. Madankollu anke t-tenur għandu parti importanti ħafna f’kull opra.”

Saqsejna lill-baritonu Charles Buttigieg dwar il-proġetti tiegħu li jmissu jagħmel speċjalment barra minn Malta.

“Għadni ġej minn sensiela ta’ pajjiżi fejn tajt il-wirja tiegħi f’diversi opri u operetti fosthom fi Spanja, fl-Italja, fi Franza u fil-Portugall. Kelli x-xorti nagħmel madwar 50 wirja fi żmien verament qasir ta’ xahrejn. Irbaħt ukoll xi unuri f’dawn il-pajjiżi, fosthom mill-Metropolitan Opera fi New York City, u dan kollu mlieni b’sodisfazzjon kbir.”

“Fil-futur mhux ‘il bogħod se nipparteċipa fi produzzjonijiet u attivitajiet lokali sabiex inkompli nkun preżenti f’aktar postijiet fejn naf li n-nies verament ukoll ituni s-sapport tagħhom.”

“Nixtieq insemmi li studjajt mal-għalliema Maltija, Ms Juliette Bezzina, li wasslitni s’hawn u għadni nistudja taħt il-gwida tagħha sal-lum il-ġurnata.”

Finalment tlabna lil Charles Buttigieg sabiex jagħtina l-aħħar messaġġ speċjalment għal dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera bħala tenur jew baritonu.

“Il-vuċi hi xi ħaġa li ħalaqilna l-Bambin. Jekk aħna nibżgħu għaliha u nieħdu ħsiebha, din il-vuċi kapaċi tagħmel affarijiet kbar. Jien ma kontx naf li l-vuċi tiegħi kienet daqshekk sabiħa, qatt ma tajt kas. Għalhekk jien tal-parir li tagħti kas ta’ dak li jgħidulek l-għalliema u s-superjuri tiegħek.”

“Il-kant, speċjalment dak operistiku, hu ferm sabiħ għax jagħti dimensjoni sabiħa lit-teatru jew knisja fejn issir ir-rappreżentazzjoni.”

“Hemm bżonn ta’ ħafna sagrifiċċju sabiex tilħaq fejn tixtieq iżda wara li tkun stinkajt, kapaċi tieħu l-premju tant mistħoqq.”

Ekonomija

Sport