Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Din l-imħabba lejn dan l-isport bdiet sa minn etá żgħira fejn jien kont nara l-membri tal-familja tiegħi li kienu intiżi fil-futbol u kien hemm oħrajn li saħansitra kienu involuti ma’ xi klabbs. Kont nilghab mal-ħbieb tiegħi tal-iskola waqt il-ħin ta’ rikreazzjoni u kont inhobb insegwi l futbol ta barra fuq it-televixin.
X’kien dak li xprunak biex tirritorna bħala kowċ ta’ Valletta FC?
Naħseb li r-ritorn tiegħi ma’ Valletta kien wieħed naturali. Kont diġá naf numru ta’ nies li kienu involuti f’dan il-klabb tant glorjuż f’pajjiżna. Naf ukoll li l-partitarji għandhom ħeġġa kbira u huma akkaniti lejn it-tim tagħhna Għalhekk kien faċli nirritorna meta l-amministrazzjoni l-ġdida ħasbet fija u emmnet fil-kapaċitajiet tiegħi. Il-ħsibijiet tiegħi u tagħhom kienu jaqblu fis-sens li ż-żewġ partijiet kellhom l-istess ideat u objettivi u dan għamel il-biċċa tax-xogħol ferm faċli.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ ta’ Valletta FC.
Jien għandi rwol li nara li t-tim ikun ippreparat għal-logħbiet tal-kampjonat. Għandi staff tekniku li jaħdem id f’id miegħi u f’termini ta’ preparazzjoni jagħmel xogħol professjonali ħafna. Hemm il-lat fiżiku, mentali, tekniku u tattiku li naraw li jkun attwat. Ovvjament aħna nippreparaw abbażi tal-prinċipji li nemmnu fihom u noħolqu strateġiji sabiex naffrontaw kul partita li nkunu ha nilghabu.
Ġejjin minn rebħa fil-Meridianbet FA Trophy kontra Gżira United. Kif qed tħossok bħala kowċ li wasalt għal dan it-tragward?
Preparajna għal din il-partita bħas-soltu konxji mill-fatt li hemm differenza fil-kategorija peressli aħna nilagħbu fil-BOV Challenge League filwaqt li Gzira jilagħbu fit-360 Sports Malta Premier. Huma bla dubju tim importanti ħafna u konna nafu li ma kinitx se tkun faċli. Il-players kienu bravi mill-aspett tattiku iżda fuq kollox urew karratru u sens ta’ sagrifiċċju u b’dawn l-elementi irnexxielna nirbħu l-partita.
Lura għall-istaġun tagħhom intom qed tilagħbu fil-BOV Challenge League. Kif qed tarah l-andament ta’ dan l-istaġun, speċjalment meta tqis li bdejtu minn din il-kategorija ta’ futbol lokali li m’intom imdorrijin fiha?
Kull tim li qed jilgħab kontrina ikollu motivazzjoni żejda magħna u għalhekk id-diffikultajiet jikbru izda irrid insemmi li għandna grupp ta’ plejers li qeghdin jahdmu hafna u jaffrontaw dawn il-partiti bl attegjament gust. Il-partitarji numerużi li qed ikollna fil-grawnds fejn qed nilagħbu huma bla dubju t-12-il plejer tagħna u s’issa dawn il- komponenti kienu t’għajnuna biex kellna bidu tajjeb għall-kampjonat kif ukoll fit-Trophy. Fadal tmien partiti fil-kampjonat u l-kwarti-fianli tat-Trophy allura irridu nkomplu naħdmu biex nibnu fuq it-tajjeb li sar fl-ewwel parti tal-istaġun.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Jien inħobb ngħid li l-klassifika finali takkumula skont il-partiti individwali li tim ikun lagħab fihom. Matul l-istaġun aħna nippreparaw mill-aħjar biex nirbħu t-tliet punti. Ovvjament mhux dejjem ikun possibbli għax l-avversarji fil-BOV Challenge League mhumiex faċli daqskemm wieħed jaħseb apparti li l-kampjonat hu twil u kkumplikat. Inutli naħseb fil-futur u għalhekk nippreferi li nikkonċentraw fuq il-partita li jkun imiss.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Mhux persuna li noqgħod naħseb wisq fuq il-futur tiegħi. Jien bniedem li naħseb ħafna fuq il-preżent u l-enerġija tiegħi nħobb nitfagħha fil-mument preżenti għax il-futur hu l-konsegwenza tal-preżent.
Nixtieqek tgħaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu suċċess fil-karriera tagħhom tal-futbol.
L-ewwelnett il-futbol hu sport li jrid ikollok ħafna dedikazzjoni għalih. Biex tirnexxi trid tkun lest tagħmel ħafna sagrifiċċju apparti li biex tilħaq ċerti objettivi trid titħarreġ iebes. Meta tagħmel dan se toħroġ l-aqwa verżjoni tiegħek innifsek!