Tuesday, May 14, 2024

“Hemm il-frott u ara ma tmissux! Ibatu n-nies u nbatu aħna wkoll”

Bejjiegħ tal-ħut bi 38 sena esperjenza jisħaq li l-aħjar żmien kien meta t-tonn ma kienx bil-kwota

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fil-lokalità tal-Mosta, ukoll ħdejn il-knisja, sibna lil Eugenio Abdilla, bejjiegħ tal-ħut bil-vann li ilu għal dawn l-aħħar 38 sena f’dan ix-xogħol. “Il-bejgħ fl-ewwel ġimgħa tal-istaġun tal-lampuki sejjer tajjeb ħafna tant li ta’ kuljum inbigħ bejn ħames u sitt kaxxi,” beda Eugenio. Mistoqsi jekk jaħsibx li se jiżdied il-bejgħ huwa qal li kollox jiddependi mill-qbid li bħalissa sejjer tajjeb iżda żied li, “dan ma jfissirx li se jkompli hekk”. 

Dan il-bejjiegħ spjega li l-bejgħ tal-ħut f’Malta huwa skont l-istaġuni li huma tlieta – dak tal-lampuki, tat-tonn u dak magħruf bħala tal-pristin (tal-mazzola). Huwa għalhekk li bħalissa hija l-lampuka hija l-aktar ħuta mfittxija.

Minħabba s-snin twal ta’ esperjenza u ħidma lil Eugenio Abdilla staqsejnih liema kienet l-aħjar sena jew perjodu li kellu bħala bejjiegħ tal-ħut. Hawn dan il-bejjiegħ tal-ħut mill-ewwel irrisponda li l-aħjar żminijiet kienu meta kien ibigħ it-tonn bl-irħis “għax konna nbigħu kemm irridu”.  

Eugenio spjega li dak iż-żmien il-bejgħ tat-tonn ma kienx bil-kwota. Sostna li, “bis-sistema tal-kwota, anke f’dan l-istaġun tal-lampuki, ibatu n-nies u nbatu aħna għax hemm il-frotta fil-baħar u ma tistax teħodha, bħas-siġra ta’ Adam u Eva. Hemm il-frott u ara ma tmissux! Jekk ma naqbduhx aħna, se jaqbdu ħaddieħor fosthom it-Tuneżini”. 

Il-prezz irdoppja…

Huwa insista li fejn jidħol it-tonn il-poplu Malti mar ħafna ħażin għax “qabel konna nbigħuh żewġ liri u nofs Maltin, l-aktar l-aktar tliet Liri li jiġu €5, mentri llum nibdew bil-€12 u jinżel l-inqas forsi €9-€10-il kilo. Dan allura ġie jiswa d-doppju”. Il-kwota fuq kemm jista’ jinqabad ċertu ħut ilha introdotta mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Dan il-bejjiegħ spejga li f’din is-sitwazzjoni “kollox irid ikun by the book. Din is-sistema għalina hija falza. Fejn jidħol it-tonn, illum il-ġurnata ssirna xahar u nofs, xahar. Din hija differenza kbira għal dak li konna imma, hemm il-flus fin-nofs.” 

Eugenio, li issa wasal biex “iżarma” għax se jirtira bl-età, temm jgħid li dan ix-xogħol iħobbu ħafna u l-aktar ħaġa li se jħoss hija dik li se jitlef il-kuntatt kontinwu man-nies. Fi snin twal ta’ xogħol il-klijenti taż-żona drawh sew u huwa lilhom tant li din il-bidla għalih se tkun diffiċli. Imma, sadanittant, huwa assigurana li f’dan l-istaġun, il-bejgħ tal-lampuki mill-vann tiegħu fejn il-knisja tal-Mosta se jkompli.

Sport