Il-players ta’ Hamrun Spartans, Henry Bonello u Rafael Compri, ippreżentaw formalment ittri ta’ apoloġija lis-Segretarju Ġenerali tal-klabb wara l-alterazzjoni tagħhom fi tmiem il-logħba ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League tat-Tlieta kontra Maccabi Tel Aviv.
Il-klabb ikkonferma li rċieva ż-żewġ ittri, fejn il-plejers ħadu r-responsabbiltà għal għemilhom u esprimew dispjaċir għall-inċident li xeħet dell fuq il-progress storiku tat-tim fl-Ewropa.
Rafael Compri kiteb, “L-imġieba tiegħi ma kinitx xierqa, u jiddispjaċini ħafna li ħallejt l-emozzjonijiet tiegħi jirriżultaw f’inċident pubbliku.” Huwa żied jgħid li l-esperjenza tiegħu f’Hamrun kienet “pożittiva immens,” u li huwa “ffukat bis-sħiħ fuq li jkompli jikkontribwixxi b’mod pożittiv lit-tim.”
Henry Bonello, li huwa l-captain tat-tim, indirizza wkoll lis-Segretarju Ġenerali fl-apoloġija tiegħu, fejn stqarr, “L-imġieba tiegħi kienet kompletament inaċċettabbli u barra mil-linja, u nieħu r-responsabbiltà sħiħa għal għemili.” Huwa kompla jgħid, “Ħallejt l-emozzjonijiet tiegħi jieħdu kontroll, u messni ttrattajt is-sitwazzjoni b’aktar maturità u rispett.”
Bonello rrikonoxxa l-impatt li l-inċident kellu fuq ir-reputazzjoni tal-klabb, fejn kiteb,
“Jiddispjaċini tassew għall-ħsara lir-reputazzjoni li kkawżajt.” Huwa afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu lejn l-istandards tal-klabb, fejn wiegħed li jagħmel dak kollu li hemm bżonn biex “jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-Klabb u r-rispett ta’ sħabi fit-tim.”
L-apoloġiji interni jaslu ftit sigħat biss wara li Hamrun Spartans ħarġu stqarrija pubblika li tikkundanna l-inċident.