Dawk li għandhom l-Istorja għal qalbhom — partikolarment l-Istorja militari, l-armi u l-uniformijiet marbutin magħha, m’għandhomx jitilfu l-attività li se torganizza Heritage Malta fil-Forti Sant’Anġlu. Din l-attività se ssir nhar il-Ħadd l-1 ta’ Mejju u fiha se jinħolqu mill-ġdid xeni mill-Allarm Ġenerali tal-1644.
L-Allarm Ġenerali kien marbut ma’ ġrajja li llum tidher qisha rakkont meħud minn rumanz jew film, iżda li fil-fatt seħħet tassew. Fl-1644, il-Kavallieri ta’ San Ġwann qabdu taħt idejhom l-akbar ġifen tal-flotta Torka — magħruf bħala l-Gran Sultana, u ġabu Malta lil dawk kollha li kienu abbord kif ukoll il-fided, id-dehbijiet u oġġetti prezzjużi li kien hemm fuqu.
Dak li ma kinux jafu l-Kavallieri kien li fost dawk maqbuda kien hemm Żafira, mara sabiħa li kienet il-preferuta tas-Sultan Tork Ibrahim minn fost in-nisa kollha li kellu fil-ħarem. Magħha kien hemm binha Osman li kellu sentejn. Meta nħatfet, Żafira, flimkien mal-qaddejja tagħha, kienet fi triqtha lejn Mecca għal pellegrinaġġ.
Meta l-Kavallieri saru jafu li fost il-maħtufa kien hemm Żafira u binha, tawhom l- aqwa trattament possibbli. Iżda s-Sultan Ibrahim ħalef li jpattihielhom u kienet ir-rabja tiegħu li wasslet għal dak li baqa’ magħruf bħala l-Allarm Ġenerali; jiġifieri t- tħejjijiet li saru f’Malta fuq livell nazzjonali biex il-pajjiż ikun ippreparat għal attakk mit-Torok.
Fir-realtà l-attakk ma seħħx, għax is-Sultan ħabat għal Kreta minflok, talli kienet tat kenn lix-xwieni tal-Kavallieri meta nqabdu fil-maltemp fi triqthom lura lejn Malta wara li ħatfu l-Gran Sultana. Saħħet Żafira marret lura f’qasir żmien, tant li mietet f’Jannar tal-1645. Binha baqa’ jgħix Malta taħt il-ħarsien tal-Gran Mastru nnifsu, u jingħad li mhux talli sar Nisrani, talli ngħaqad mal-Ordni tal-Patrijiet Dumnikani.
Fl-attività li se ssir fil-Forti Sant’Anġlu se jittellgħu xeni minn din il-ġrajja mill- grupp tar-re-enactment bl-isem ‘Show of Arms’. Bejn l-10.00am u l-4.00pm, membri tal-grupp se jagħtu dimostrazzjonijiet u spjegazzjonijiet dwar l-ilbies, ix-xwabel u l-armi tan-nar ta’ dik l-epoka, kif ukoll se jagħmlu re-enactment ta’ kif irġiel Maltin ta’ kull età ġew imħarrġa matul l-Allarm Ġenerali.
Il-Forti Sant’Anġlu jiftaħ fid-9.00am u jagħlaq fl-4.30pm, bl-aħħar dħul ikun fl- 4.00pm. Il-biljetti għal din l-attività jinqatgħu biss mill-bieb, bil-prezz normali tad- dħul għall-Forti Sant’Anġlu. Dawk li għandhom il-passaport ta’ Heritage Malta jew huma membri ta’ Heritage Malta, jidħlu b’xejn.