Fiż-żmien li ġej mistenni jibda l-proċess ta’ restawr fuq dgħajsa tal-latini li Heritage Malta akkwistat aktar kmieni din is-sena. Din hija waħda mill-aħħar dgħajjes tal-latini li fadal fil-Gżejjer Maltin.
Tagħrif dwar dan il-proġett ingħata waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit. Il-konferenza saret ħdejn id-dgħajsa tal-latini, li bħalissa tinsab fil-kwartieri ta’ Heritage Malta fil-Kalkara.
Il-Ministru Herrera ddeskriva dan il-proġett bħala wieħed għal qalbu ħafna, li permezz tiegħu se terġa’ tingħata l-ħajja lil waħda mill-protagonisti ewlenin fl-istorja marittima ta’ pajjiżna. Huwa wiegħed l-impenn tiegħu u tal-gvern lejn sforz kollettiv biex il-wirt marittimu ma jintilifx iżda jkun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Huwa tenna li l-viżjoni tiegħu u ta’ Heritage Malta hija li jużaw l-Pixkerija l-antika sabiex jibdluha f’mużew u b’hekk ikunu jistgħu jinżammu dawn l-esebiti importanti fosthom din id-dgħajsa tal-latini.
Noel Zammit esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-akkwist ta’ Heritage Malta li jkompli jixhed ir-rieda tal-aġenzija li tagħti futur lill-passat tagħna. Huwa spjega li d-dgħajsa se tiġi restawrata fuq il-post u sakemm jitlesta x-xogħol fuqha, se tkun qed tistkenn taħt struttura temporanja li tħarisha mill-elementi.
Id-dgħajsa tal-latini ħadet isimha mill-qlugħ li fuqhom kienet tiddependi biex tbaħħar u li kienu magħrufa bħala ‘tal-latini’. Kienet tintuża l-aktar għall-ġarr ta’ provvisti u passiġġieri bejn Malta u Għawdex u kienet l-akbar waħda mid-dgħajjes tradizzjonali Maltin, b’tul ta’ bejn 45 u 50 pied.
L-oriġini tad-dgħajsa tal-latini mhumiex magħrufa iżda hemm evidenza li turi li fl-1520 dan it-tip ta’ dgħajjes kienu diġà jinbnew fuq ix-xtut tal-Port il-Kbir.