Heritage Malta kkundannat bla riservi att vandalu li seħħ it-Tlieta li għadda fil-Park Arkeoloġiku tal-Ġgantija, fejn ċittadin Ungeriż ikkaġuna ħsara irreparabbli billi naqqax dawk li jidher li huma żewġ numri fuq megalit fl-istruttura tat-Tramuntana ta’ dan il-monument Neolitiku ddikjarat mill-UNESCO bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji.
Minkejja li viżitaturi oħra wissew lir-raġel biex jieqaf minn dak li kien qed jagħmel, huwa injorahom u kompla. Uffiċjali ta’ Heritage Malta li kienu fuq il-post identifikaw lir-raġel malli daħal fil-ħanut li hemm fis-sit stess. Meta ġie kkonfrontat minn ħaddiema u uffiċjali tas-sigurtà, ir-raġel ammetta li giref il-megalit u qal li ħaseb li mġiba bħal din hija permessa billi hemm tnaqqix ieħor storiku fuq l-istess megalit. Huwa kkopera mal-Pulizija li waslu fuq il-post, u esprima wkoll rimors għal dak li għamel.
Ilbieraħ waranofsinhar, l-Ungeriż tressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex, fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ġie kkundannat għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €15,000.
Kieku jsiru tentattivi biex jitneħħa l-grif, dawn jikkompromettu l-kisja oriġinali fuq wiċċ il-ġebla u joħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għal deterjorament mgħaġġel. Għaldaqstant, il-ħsara hija meqjusa bħala permanenti u irriversibbli. Madankollu, se jsir intervent immedjat ta’ mitigazzjoni bħala prekawzjoni kontra aktar ħsara.

