Saturday, December 21, 2024

Heritage Malta tipprovdi itinerarji għal ħames heritage trails bħala parti mill-inizjattiva Smiles with Miles

Aqra wkoll

Heritage Malta, l-aġenzija nazzjonali għall-wirt kulturali, ipprovdiet l-itinerarji għal ħames heritage trails li l-pubbliku se jkun jista’ jgawdi bħala parti mill-inizjattiva Smiles with Miles. Din l-inizjattiva tnediet aktar kmieni din is-sena minn Dott. Lydia Abela bħala sforz nazzjonali biex filwaqt li jiżdied l-eżerċizzju fiżiku f’pajjiżna u jiġu mgħejjuna proġetti ta’ saħħa mentali fost l-adolexxenti.

Il-heritage trails ikopru nħawi differenti ta’ Malta u huma mqassmin skont temi partikolari. Tnejn minnhom jinkludu wkoll siti ta’ Heritage Malta li wieħed jista’ jieqaf iżur qabel ma jkompli fi triqtu. L-ewwel heritage trail hija “Il-Mixja tal-Veduti”, li titlaq minn Ħad-Dingli u tintemm fis-Siġġiewi; it-tieni waħda għandha t-tema “Knejjes u Kappelli”, u tgħaddi minn ħdejn diversi mkejjen ta’ qima tul rotta li minn Ħal Kirkop tieħdok iż-Żurrieq; il-heritage trail “Mis-Swar għall-Kampanja” tieħdok mis-Saqqajja sal-Imdina u postijiet sbieħ oħra fl-inħawi tar-Rabat, u tgħaddi minn quddiem il-Mużew tal-Istorja Naturali, id-Domvs Romana u l-Katakombi ta’ San Pawl u ta’ Sant’Agata; ir-raba’ heritage trail, bit-tema “Mid-Dell tal-Belt għal fejn it-Tempji”, titlaq mir-Rabat u tinżel lejn iż-Żebbiegħ u l-Imġarr, fejn wieħed jista’ jieqaf iżur it-tempji ta’ Skorba u ta’ Ħaġrat; u l-aħħar heritage trail hija “Għax-Xemx fin-Naħa t’Isfel”, li titlaq miż-Żejtun u tiġbed lejn Delimara, Xrobb l-Għaġin u Wied il-Għajn.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Dott. Lydia Abela spjegat kif se titħaddem is-sistema biex dawk li jimxu tul il-heritage trails ikunu qegħdin jikkontribwixxu awtomatikament għall-inizjattiva Smiles with Miles.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera saħaq li l-benefiċċji tal-heritage trails huma bosta. Fosthom hemm il-benefiċċju tas-saħħa, fejn wieħed jaqta’ ftit mill-ħajja sedentarja li jgħixu ħafna minna u jqatta’ ftit sigħat jimxi jew juża r-rota f’ambjent trankwill.

Hemm ukoll il-benefiċċju soċjali, billi dawn it-trails jipprovdu l-opportunità li gruppi żgħar ta’ ħbieb, familji, ġirien jew kollegi tax-xogħol jiltaqgħu biex jagħmlu din l-esperjenza flimkien. Benefiċċju ieħor huwa dak edukattiv, billi dawn il-heritage trails joffru tassew minjiera ta’ tagħrif għal dawk li jinteressaw ruħhom li jsiru jafu aktar dwar il-postijiet li wieħed jiltaqa’ magħhom tul ir-rotta partikolari li jagħżel.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-heritage trails huma mezz ideali kif wieħed iżewweġ il-wirt storiku u kulturali mat-tgawdija tal-pajsaġġ naturali ta’ pajjiżna, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għal għan nobbli. Il-heritage trails li jgħaddu minn ħdejn siti ta’ Heritage Malta joffru wkoll l-opportunità li wieħed juża l-passaporti tal-aġenzija għall-istudenti u għall-anzjani biex iżur dawn is-siti bla ħlas. Is-Sur Zammit fakkar li Heritage Malta emmnet fl-inizjattiva Smiles with Miles mill-bidu nett, tant li xhur ilu kienet ħeġġet lill-impjegati kollha tagħha biex jieħdu sehem fiha.

Dott. Abela għalqet din il-konferenza tħeġġeġ lil kulħadd sabiex jipparteċipa f’din l-attività biex inkomplu ngħinu ħalli jinġabru iktar mili permezz ta’ din l-app. Hija saħqet li din l-inizjattiva tista’ tagħmel id-differenza  u tkun ta’ benefiċċju għal ħafna nies, għaliex apparti li skont kemm isiru mili se nieħdu lura rigali sbieħ grazzi għall-isponsors li qegħdin jipparteċipaw, Smiles with Miles għandha għan prinċipali li l-mili li nagħmlu aħna jissarfu f’fondi li ser imorru direttament għal aktar għajnuna f’servizzi varji għal persuni li jbatu minn sfidi ta’ mard mentali. Għalhekk bi Smiles with Miles mhux biss nieħdu ħsieb is-saħħa tagħna, iżda nnislu tbissima wkoll fuq ħaddieħor.

Ekonomija

Sport