Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
Bdejt nilgħab il-basketball ta’ seba’ snin … għadni niftakar l-eċċitament li ġie l-weekend u nista’ mmur Pembroke nilgħab. Il-pass tal-logħba u l-importanza ta’ kull membru fit-tim kienu żewg fatturi ewlein li baqgħu jiġbduni lejn dan l-isport. Fattur ieħor kien is-sens ta’ komunitá li kont esperjenzajt meta weġġajt l-iskola u t-tim kien ingħaqad madwari. Kien ġest sabiħ ħafna organizzat mill-klabb.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Valletta Knights fit-Tieni Diviżjoni?
Ħerqan biex nerġa’ nikkompeti fit-Tieni Diviżjoni wara staġun fl-Ewwel Diviżjoni. Nispera li tgħallimt s-sena l-oħra flimkien mal-esperjenzi preċedenti jiggwidawni biex nagħti kulma nista’ lit-tim. Naħseb li flimkien ma’ sħabi għandna nkunu tim kompetittiv.
Iddeskrivi l-esperjenza issa passata tiegħek ma’ Mosta Tigers u kemm tgħallimt minnha.
Sfortunatament, ma kienx l-istaġun li xtaqna bħala tim. Bħala plejer tinżel fuq il-court bit-tir li tirbaħ jew tal-inqas li tkun kompetittiv mal-avversarju. Naħseb li bħala tim ma tantx stajna naqbdu ritmu minħabba tibdil ta’ plejers tul l-istaġun; biss minn kull esperjenza hemm x’titgħallem. Inħoss li kbirt bħala vuċi fil-‘locker room’ u bnejt relazzjoni sewwa mal-kowċis u l-kumitat fl-ewwel staġun magħhom. Nittamaw li dan kollu jiproduċi r-riżultati li nixtiequ dis-sena.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li l-livell tal-logħob huwa għoli u nara li t-talent lokali qed jitjieb u jinsab għatxan biex ikompli jitjieb. Naħseb li bħala komunitá kulħadd jaqbel li hemm ħafna plejers b’potenzjal u li hemm bżonn ta’ investiment denju u opportunitajiet biex dawn ikomplu jikbru u jtejbu kemm ix-xena lokali tal-basketball kif ukoll iġib riżultati aktar pożittivi fuq livell ta’ tim nazzjonali.
U dak tar riżorsi (courts) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
It-training courts u l-Padiljun f’Ta’ Qali huma tajbin u ħajr lill-kumitat tax-xogħlijiet. Biss hemm bżonn ta’ iktar investiment. Dawn il-courts saru l-uniku spazju mhux immexxi minn klabb fejn wiehed jista’ jmur jipprattika u ħafna drabi ikun hemm sessjonijiet ta’ taħriġ għaddejjin. Speċjalment bl-għeluq tal-courts fil-Marsa, hemm bżonn ta’ iktar courts miftuħin għall-pubbliku biex b’hekk itejjeb il-plejers li diġá jilagħbu kif ukoll tħajjar tfal u plejers ġodda għal-logħba.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-basketball?
Il-basketball tani ħafna u allura jkun xieraq li nagħti lura b’xi mod jew ieħor. Kif ikun sar iż-żmien li ntemm il-karriera tiegħi bħala plejer nara kif inżomm ruħi involut bħala membru f’kumitat, kowċ, referee jew b’rabta ma’ xogħli bħala tabib fl-ortopedija.
Ghaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
Għal min jixtieq jibda jipprattika dan l-isport nixtieq ngħid biex ma jaqtax qalbu u jipprova. Fil-basketball sibt komunitá li għallmitni ħafna valuri ta’ kif taħdem fi ħdan tim li huma essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum kif ukoll għallmitni ħafna fuqi nnifsi u l-karattru tiegħi.
Għall-karriera ta’ suċċess nista’ ngħid li fl-aħħar mill-aħħar is-suċċess jiġi wara l-ħidma. Nemmen li iktar ma wieħed jaħdem u jistinka eventwalment jieħu r-riżultat mixtieq. Tinvolvi ħafna sagrifiċċji, bilanċ ma’ studju, xogħol u impenji oħrajn u paċenzja biex tara r-riżultat, imma meta tasal tkun ferħa kollettiva unika!