Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kelli ħames snin. Minn dejjem kont indur u nilgħab b’ballun f’sieqi u minn hemm tista’ tgħid li bdiet il-karriera tiegħi fil-futbol.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Gzira United FC, fejn se tkun qed taħdem taħt il-gwida tal-kowċ, Clive Mizzi, din id-darba fil-Malta Premier?
Ninsab vera kuntent u ħerqan biex nibda din l-esperienza ġdida ma’ Gzira United FC. Nemmen li l-klabb u l-kowċ Clive Mizzi għandhom ikunu ta’ benefiċċju għalija biex inkompli nikber fil-karriera tal-futbol u ħerqan biex nuri l-kapaċitajiet tiegħi ma’ Gzira United FC fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegħek ma’ Valletta FC u Swieqi United FC. Kemm tgħallimt minn dawn iż-żewġ esperjenzi differenti?
Fl-Akkademja ta’ Valletta FC kont bdejt minn ta’ etá żgħira. Hemmhekk jien irnexxieli nagħmel trasformazzjoni minn tifel għal raġel matur kif ukoll bdejt naħdem fuq partijiet fundamentali fil-futbol. Dan filwaqt li ma’ Swieqi United FC, komplejt nikber bħala plejer għax tawni ċans li nilgħab sentejn u nofs mal- iskwadra tal-kbar.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Jien u nikber il-futbol Malti dejjem rajtu jtejjeb il-livell. Permezz tal-ammont ta’ plejers barranin li jistgħu jilagħbu hawn Malta, plejer Malti għandu jaħdem u jistinka iktar biex jirbaħ postu.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Minkejja li Malta hija żgħira u limitati bl-ammont ta’ grawnds li għandna, nemmen li ħafna mill-grawnds hawn Malta qed jieħdu ħsiebhom kif suppost u l-ħaxix qed ikun ta’ standard tajjeb.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Nemmen li biex plejer jirnexxi għandu jibqa’ jaħdem u jistinka kuljum għaliex xi darba iċ-ċans tiegħu ħa jiġi zgur. Dan jekk dejjem tagħti l-100% tiegħek u tibqa’ konsistenti fit-taħriġ tiegħek!